Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Mistoqsijiet frekwenti dwar divulgazzjonijiet finanzjarji tal-Eurosistema relatati mal-klima

Mill-2023, il-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema bdew jippubblikaw divulgazzjonijiet finanzjarji annwali relatati mal-klima.

It-tweġibiet għall-mistoqsijiet frekwenti (FAQs) li ġejjin jipprovdu informazzjoni dwar dawn id-divulgazzjonijiet, inkluż l-ambitu tagħhom, id-data użata u l-metodoloġija li fuqha huma bbażati.

Aktar dettalji dwar id-divulgazzjonijiet finanzjarji tal-membri tal-Eurosistema relatati mal-klima jinsabu fl-istqarrija għall-istampa tagħna u fit-taqsima dedikata tas-sit web tagħna.

M1 L-Eurosistema għaliex tippubblika divulgazzjonijiet finanzjarji relatati mal-klima?

Permezz tad-divulgazzjonijiet finanzjarji tagħha relatati mal-klima, l-Eurosistema għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza dwar l-impatt klimatiku tal-portafolji finanzjarji tagħha u l-iskopertura tagħhom għar-riskji klimatiċi. B’mod aktar ġenerali, id-divulgazzjonijiet itejbu s-sensibilizzazzjoni u l-fehim tar-riskji klimatiċi fis-settur finanzjarju kollu, jippromwovu l-armonizzazzjoni tal-prattiki ta’ divulgazzjoni billi jsegwu l-istandards tas-suq stabbiliti, u jappoġġaw l-objettivi tal-Unjoni Ewropea tan-newtralità klimatika u tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

M2 Liema portafolji huma affettwati mid-divulgazzjonijiet?

Il-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema jiddivulgaw informazzjoni relatata mal-klima dwar il-portafolji mhux tal-politika monetarja tagħhom, li huma jimmaniġġaw taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess. Barra minn hekk, l-Eurosistema tippubblika wkoll divulgazzjonijiet għas-settur pubbliku, bond maħruġ minn kumpaniji, u parteċipazzjonijiet ta’ bonds koperti miżmuma għal operazzjonijiet tal-politika monetarja fil-qafas tal-programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u tal-programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP). Ir-rapport dwar l-investimenti fl-APP u fil-PEPP jinkludi wkoll taqsima dwar ir-riżervi tal-BĊE f’muniti barranin. L-ambitu u l-kontenut tad-divulgazzjonijiet futuri se jiġu rrieżaminati u se jittejbu maż-żmien.

M3 Għaliex ma tiddivulgawx informazzjoni relatata mal-klima għall-karta tal-bilanċ kollha?

L-Eurosistema tiddivulga informazzjoni relatata mal-klima għal assi miżmuma fil-karta tal-bilanċ tagħha li għalihom hemm biżżejjed data dwar il-klima disponibbli. Għal ċerti assi u portafolji, bħal titoli miżmuma fil-qafas tal-programm ta’ xiri ta’ titoli garantiti b’assi (ABSPP), għad m’hemmx biżżejjed data dwar il-klima disponibbli. Għalhekk, dawn l-assi huma esklużi mir-rapportar. L-Eurosistema żżomm kuntatt ma’ dawk li jistabbilixxu l-istandards u mal-fornituri tad-data dwar il-klima biex maż-żmien ittejjeb id-disponibbiltà u l-kwalità tad-data dwar il-klima.

M4 Liema metodoloġija tintuża għad-divulgazzjonijiet?

Il-qafas ta’ divulgazzjoni tal-Eurosistema ġie żviluppat b’mod kollettiv mill-membri tal-Eurosistema u jiffoka fuq portafolji mhux tal-politika monetarja. Il-qafas iqis ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar Divulgazzjonijiet Finanzjarji relatati mal-Klima (TCFD), tas-Sħubija għall-Finanzi tal-Kontabilità tal-Karbonju, u n-Network ta’ Banek Ċentrali u ta’ Superviżuri għall-Ekoloġizzazzjoni tas-Sistema Finanzjarja (NGFS), li lkoll jipprovdu standards użati u aċċettati b’mod wiesa’ għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà. Il-qafas ġie adattat sabiex jaqbel mal-karatteristiċi tal-portafolji tal-Eurosistema. Ir-rapporti jipprovdu aktar dettalji dwar il-metodoloġiji applikati.

M5 Il-metodoloġija ta’ rapportar għall-parteċipazzjonijiet ta’ assi tal-politika monetarja fil-qafas tal-APP u tal-PEPP kif tikkompara ma’ dik għal portafolji mhux tal-politika monetarja?

Id-divulgazzjonijiet dwar is-settur pubbliku, il-bond maħruġ minn kumpaniji u l-investimenti ta’ bonds koperti fil-qafas tal-APP u tal-PEPP fil-biċċa l-kbira jsegwu l-istess metodoloġija bħal dik użata għal portafolji mhux tal-politika monetarja skont il-qafas ta’ divulgazzjoni tal-Eurosistema. Kull differenza metodoloġika tirrifletti n-natura tal-politika monetarja tal-portafolji tal-APP u tal-PEPP u l-integrazzjoni kontinwa tal-kunsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fil-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Pereżempju, il-parteċipazzjonijiet korporattivi fid-divulgazzjonijiet tal-APP u tal-PEPP jibbażaw fuq data dwar l-emissjonijiet irrapportata mill-emittenti biss, filwaqt li d-divulgazzjonijiet għall-portafolji mhux tal-politika monetarja jistgħu jibbażaw ukoll fuq data dwar l-emissjonijiet stmata mingħand fornituri ta’ data dwar il-klima meta d-data awtorapportata dwar l-emissjonijiet ma tkunx disponibbli.

M6 X’data tuża għall-kalkoli tiegħek?

L-Eurosistema tibbaża fuq data dwar il-klima mingħand żewġ fornituri speċjalizzati: Institutional Shareholder Services (ISS) u Carbon4 Finance (C4F). Iż-żewġ fornituri ntgħażlu fi proċess ta’ akkwist mifrux mal-Eurosistema kollha mmexxi mid-Deutsche Bundesbank li qies il-kwalità tad-data, il-kopertura tad-data u l-aspetti tal-kostijiet-benefiċċji. Minbarra d-data ta’ ISS u ta’ C4F, il-membri tal-Eurosistema jistgħu jagħżlu wkoll li jikkomplementaw id-divulgazzjonijiet tagħhom b’data mingħand fornituri oħrajn ta’ data dwar il-klima li tkun disponibbli għalihom b’mod individwali. Id-data finanzjarja tinġabar minn diversi sorsi interni u esterni ta’ data pubblika u mhux pubblika tal-Eurosistema. Id-dewmien naturali li bih tiġi rilaxxata d-data dwar il-klima u d-data finanzjarja jirriżulta f’diskrepanza fis-sena ta’ referenza bejn id-data tal-parteċipazzjonijiet l-aktar reċenti u d-data storika dwar il-klima u dik finanzjarja. Sabiex jikkoreġu din id-diskrepanza, il-membri tal-Eurosistema jistgħu jagħżlu li jaġġornaw b’mod retroattiv il-metriki għal parteċipazzjonijiet passati f’rapporti futuri tat-TCFD.

M7 Għaliex id-data dwar id-dekarbonizzazzjoni tal-emittenti tiġi integrata b’dewmien sinifikanti?

Id-data dwar l-emissjonijiet tal-emittenti ssir disponibbli b’dewmien ta’ sena għall-emittenti mhux sovrani u sa sentejn għall-emittenti sovrani. Dan ifisser li d-data dwar l-emissjonijiet li taqbel mas-sena ta’ referenza tal-parteċipazzjonijiet ma tkunx disponibbli għall-aktar perjodi ta’ rapportar reċenti. Sabiex xorta waħda jkunu jistgħu jiġu rrapportati l-aktar parteċipazzjonijiet fil-portafolji reċenti, fil-kalkolu tal-metriki, l-Eurosistema tuża l-aktar data reċenti disponibbli dwar l-emissjonijiet ta’ kull emittent. Fir-rapport ta’ kull sena, il-metriki tal-passat jiġu aġġornati b’mod retrospettiv sabiex jirriflettu l-bidliet fid-disponibbiltà tad-data dwar il-klima. Dawn il-bidliet jaffettwaw l-aktar - iżda mhux biss - il-perjodi ta’ rapportar reċenti.

M8 Għaliex tużaw l-intensità medja ponderata tal-karbonju, l-emissjonijiet totali tal-karbonju u l-impronta tal-karbonju bħala metriki għad-divulgazzjoni?

L-intensità medja ponderata tal-karbonju (WACI), l-emissjonijiet totali tal-karbonju u l-impronta tal-karbonju huma t-tliet metriki ewlenin użati fil-qafas ta’ divulgazzjoni tal-Eurosistema. It-TCFD tirrakkomanda dawn kollha għas-sidien tal-assi. Il-metriki normalizzati (bħad-WACI u l-impronta tal-karbonju), u l-metriki assoluti (bħall-emissjonijiet totali tal-karbonju) jikkomplementaw lil xulxin u flimkien jipprovdu livell għoli ta’ trasparenza fir-rigward tal-impatt tal-portafolji fuq il-klima u tal-esponiment għar-riskji klimatiċi. Huma jibbenefikaw minn metodoloġija standardizzata u jintużaw b’mod wiesa’ fir-rapportar relatat mal-klima fis-settur finanzjarju kollu. Il-membri tal-Eurosistema jistgħu jagħżlu li jirrapportaw ukoll metriki oħrajn sabiex ikomplu jsaħħu t-trasparenza.

M9 Għaliex tiddivulgaw il-miri?

Il-miri huma element integrali tar-rakkomandazzjonijiet tat-TCFD taħt il-kategorija “Metrics and Targets” (“Metriki u Miri”) u huma parti importanti mid-divulgazzjonijiet finanzjarji relatati mal-klima. Il-miri jgħinu sabiex jitnaqqas l-esponiment ta’ portafoll għal riskji relatati mal-klima u sabiex jiġu ġestiti l-opportunitajiet relatati mal-klima u l-impatt fuq il-klima tal-parteċipazzjonijiet ta’ assi. Il-membri kollha tal-Eurosistema jistinkaw sabiex jiżguraw li l-portafolji mhux tal-politika monetarja taħt il-ġestjoni tagħhom u l-parteċipazzjonijiet tagħhom f’bonds maħruġa minn kumpaniji fil-qafas tal-APP u tal-PEPP ikunu allinjati sabiex isostnu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettivi tan-newtralità klimatika tal-UE. Għal xi portafolji, il-miri fit-tul huma ssupplimentati minn miri interim sabiex jiddeskrivu perkors ċar għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-portafolji. F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li kull membru tal-Eurosistema jibqa’ unikament responsabbli għall-aspetti kollha relatati mal-ġestjoni tal-portafolji mhux tal-politika monetarja tiegħu. Dan jinkludi t-tħejjija tad-divulgazzjonijiet finanzjarji relatati mal-klima u d-definizzjoni tal-miri.

M10 Għaliex ma tiddivulgawx il-miri għall-portafolji kollha?

L-istabbiliment ta’ miri kredibbli sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-portafoll maż-żmien jeħtieġ il-flessibbiltà sabiex tittieħed azzjoni fil-każ li t-tnaqqis attwali tal-emissjonijiet ta’ portafoll jiddevja mill-perkors mixtieq. Madankollu, restrizzjonijiet relatati mal-portafolji u mal-klassijiet tal-assi jistgħu ma jipprovdux għal din il-flessibbiltà. Pereżempju, restrizzjonijiet tal-portafolji jistgħu jkunu relatati ma’ kunsiderazzjonijiet tal-politika monetarja jew ma’ stil ta’ investiment passiv (inklużi portafolji miżmuma sal-maturità). Restrizzjonijiet relatati mal-klassijiet tal-assi jistgħu, pereżempju, japplikaw għal investimenti f’bonds sovrani minħabba li l-emittenti jkunu ffirmaw il-Ftehim ta’ Pariġi u n-nuqqas ta’ qafas kredibbli sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet.

M11 Meta se tistabbilixxu miri interim għall-portafolji tas-settur korporattiv, u għaliex mhux se tiddivulgawhom? Se taġġustaw il-portafoll tagħkom sabiex tissodisfaw il-miri?

Wara l-impenn tiegħu tal-2023 li jikkunsidra miri interim, fl-2024 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jiġu stabbiliti miri interim għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-portafolji korporattivi fil-qafas tal-APP u tal-PEPP. Dawn il-miri interim se jqisu, bħala gwida, ir-rekwiżiti tar-Regolament tal-UE dwar il-Parametri Referenzjarji u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jakkumpanjah. Mingħajr preġudizzju għall-mandat tagħha dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-Eurosistema se tfassal bir-reqqa qafas li jkopri l-elementi rilevanti kollha għad-definizzjoni ta’ miri kredibbli interim għat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jappoġġaw l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettivi tan-newtralità klimatika tal-UE. F’dan l-istadju, dawn il-miri interim se jintużaw internament għall-monitoraġġ tat-trajettorja tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-portafolji korporattivi. Jekk jiġu identifikati devjazzjonijiet mit-trajettorja mixtieqa, l-azzjonijiet ta’ rimedju jiġu vvalutati, fi ħdan il-mandat tagħna, fuq bażi ta’ każ b’każ.

Il-BĊE ħabbar li kien se jikkunsidra li jistabbilixxi miri interim fir-rapport inawgurali ppubblikat f’Marzu 2023 dwar id-divulgazzjonijiet finanzjarji relatati mal-klima tal-parteċipazzjonijiet tas-settur korporattiv tal-Eurosistema għall-finijiet tal-politika monetarja, “Climate-related financial disclosures of the Eurosystem’s corporate sector holdings for monetary policy purposes”. Id-deċiżjoni li jintlaħqu dawn il-miri interim tenfasizza l-impenn tal-Eurosistema li gradwalment tnaqqas l-emissjonijiet assoċjati mal-portafolji tas-settur korporattiv maż-żmien sabiex tnaqqas l-esponiment tal-portafolji għar-riskji tat-tranżizzjoni klimatika u l-impronta ambjentali tagħha. L-użu tal-miri interim għall-monitoraġġ intern jipprovdi lill-Eurosistema bl-opportunità li tikseb aktar esperjenza f’dan il-qasam filwaqt li tkompli tirfina l-qafas għall-iffissar tal-miri sabiex tirrifletti l-iżviluppi kontinwi fil-metodoloġiji u fl-approċċi rilevanti għall-banek ċentrali.

M12 Il-miri interim għal portafolji tas-settur korporattiv japplikaw fil-livell tal-portafoll jew tal-kumpanija individwali?

Miri interim ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet għal portafolji tas-settur korporattiv skont l-APP u l-PEPP se jiġu stabbiliti fil-livell tal-portafoll aktar milli fil-livell tal-kumpanija. Dan ifisser illi l-miri interim japplikaw għall-portafolji kollha u mhux għall-kumpaniji individwali. L-iffissar ta’ miri interim fil-livell tal-portafoll huwa mira komuni fost is-sidien tal-assi li jridu jnaqqsu l-impronta tal-karbonju u l-espożizzjoni għar-riskji klimatiċi tal-investimenti tagħhom. Il-BĊE ma jiffissax miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet għal kumpaniji individwali.

L-Eurosistema għandha l-intenzjoni li tiżviluppa qafas robust għall-iffissar ta’ dawn il-miri interim. L-istrutturar ta’ dan il-qafas se jinvolvi, pereżempju, id-definizzjoni tat-trajettorji ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet mixtieqa, l-għażla tal-metrika kif jitkejjel il-progress tul din it-trajettorja, u l-azzjonijiet ta’ rimedju potenzjali li jistgħu jittieħdu jekk l-emissjonijiet tal-portafolji jiddevjaw mit-trajettorja mixtieqa. Meta jiġi ffinalizzat il-qafas, il-BĊE se jqisu ir-regolament relevanti tal-UE.

M13 Se tkomplu tiżviluppaw il-miri interim u kwantitattivi?

It-TCFD jirrakkomanda li jiġu pprovduti miri kwantifikati u li jistgħu jitkejlu għall-portafolji mhux tal-politika monetarja, meta jkun possibbli, inklużi dawk interim. F’dan l-istadju, il-membri tal-Eurosistema jistgħu jagħżlu li joqogħdu fuq mira kwalitattiva fit-tul, filwaqt li jqisu l-objettivi speċifiċi għall-portafolji tal-Eurosistema u l-limitazzjonijiet fuqhom, l-iżvilupp kontinwu ta’ oqfsa ta’ investiment żero netti għall-banek ċentrali, l-esperjenza reċenti tagħhom iżda li qed tikber b’sorsi ta’ data miksubin ġodda u x-xjenza dwar il-klima li qed tevolvi malajr. Il-membri tal-Eurosistema se jirrieżaminaw b’mod regolari l-prattiki ta’ divulgazzjoni u jistgħu jagħżlu li jżidu miri interim u kwantitattivi kif xieraq. Għal xi portafolji mhux tal-politika monetarja tal-Eurosistema, diġà żdiedu miri interim sabiex jikkomplementaw il-miri fit-tul. Jekk disponibbli, dawn il-miri interim huma ddettaljati fit-taqsima “Metrics and targets” (“Metriki u miri”) tar-rapport rispettiv tat-TCFD.

M14 X’inhuma l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettivi tan-newtralità klimatika tal-UE?

Il-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi qafas globali sabiex it-tisħin globali jiġi limitat għal ferm anqas minn 2 °C, u preferibbilment għal 1.5 °C, meta mqabbel mal-livelli preindustrijali. F’konformità mal-impenn tagħha għall-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, l-UE għandha l-għan li tkun newtrali għall-klima sal-2050. Għal dan il-għan, l-UE adottat il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li tistabbilixxi mira legalment vinkolanti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti sal-2050 għall-UE kollha kemm hi. Il-liġi tistabbilixxi wkoll il-mira interim li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra netti b’tal-anqas 55 % sal-2030, meta mqabblin mal-livelli tal-1990. Aħna nistinkaw sabiex niżguraw li l-portafolji mhux tal-politika monetarja tagħna u l-parteċipazzjonijiet f’bonds miżmuma minn kumpaniji jkunu allinjati sabiex isostnu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettivi tan-newtralità klimatika tal-UE, u se nimmonitorjaw b’mod regolari l-progress tagħna fl-ilħuq tal-għanijiet klimatiċi tagħna.

M15 Kif tkejjel il-progress fl-ilħuq tal-għanijiet klimatiċi?

Il-progress tagħna lejn l-ilħuq tal-għanijiet klimatiċi tagħna jitkejjel permezz tal-evoluzzjoni ta’ metriki speċifiċi tul iż-żmien. Lejn liema metrika nħarsu fil-valutazzjoni jiddependi fuq il-portafoll, fuq il-klassi tal-assi u fuq il-mira klimatika li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati. Pereżempju, il-progress miksub fit-tnaqqis tal-emissjonijiet assoċjati ma’ portafoll tipikament jiġi vvalutat fuq il-bażi ta’ metriki bħad-WACI tal-portafoll jew l-impronta tal-karbonju, filwaqt li l-progress miksub fil-finanzjament tat-tranżizzjoni żero netta jiġi vvalutat fuq il-bażi tas-sehem tal-portafoll ta’ bonds ekoloġiċi.

M16 Se tkomplu tippubblikaw divulgazzjonijiet regolari?

L-Eurosistema hija impenjata li tippubblika dawn id-divulgazzjonijiet fuq bażi annwali u se tirrieżamina b’mod regolari l-elementi kollha tal-qafas ta’ divulgazzjoni tagħha sabiex tkompli ttejjeb il-kwalità tad-divulgazzjonijiet u tiżgura li jkunu adegwati għall-użu. L-elementi li se jkunu soġġetti għal rieżami regolari jinkludu l-ambitu tal-emissjonijiet irrapportati, il-portafolji inklużi fir-rapportar, il-metriki u l-miri rrapportati, kif ukoll il-kwalità u d-disponibbiltà tad-data.

M17 L-Eurosistema għaliex twettaq test tal-istress klimatiku tal-karta tal-bilanċ tagħha, u tippubblika r-riżultati?

Fl-2022, l-Eurosistema wettqet test tal-istress klimatiku fuq partijiet mill-karta tal-bilanċ tagħha sabiex tanalizza l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-profil tar-riskju tagħha f’konformità mal-prattika rakkomandata u kif spjegat f’dettall fil-pjan direzzjonali tagħha dwar il-klima. Test tal-istress bħal dan ikopri firxa ta’ skoperturi finanzjarji, inkluż self kollateralizzat, parteċipazzjonijiet f’bonds maħruġa minn kumpaniji, bonds koperti u titoli garantiti b’assi.

It-test tal-istress klimatiku huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tat-TCFD li l-organizzazzjonijiet għandhom jiddeskrivu r-reżiljenza tagħhom għal xenarji klimatiċi differenti sabiex jivvalutaw l-implikazzjonijiet potenzjali tagħhom. Barra minn hekk, fil-Gwida tiegħu dwar id-divulgazzjoni relatata mal-klima għall-banek ċentrali, “Guide on climate-related disclosure for central banks”, l-NGFS iħeġġeġ lill-banek ċentrali jiddivulgaw l-impatt dirett u indirett tar-riskju relatat mal-klima fuq il-bażi ta’ metodoloġiji kwantitattivi bħall-analiżi tax-xenarji, l-ittestjar tal-istress u l-ittestjar tal-kawżi possibbli ta’ eżiti ta’ kriżi speċifiċi.

L-Eurosistema ppubblikat l-eżiti ewlenin tat-test tal-istress tagħha dwar il-klima fil-forma ta’ ħarsa ġenerali aggregata u kwalitattiva tar-riżultati minħabba l-lakuni fid-data li fadal u l-limitazzjonijiet metodoloġiċi. L-eżerċizzju se jiġi rripetut fl-2024 u r-riżultati huma mistennija li jiġu ppubblikati fl-2025.