Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Operazzjonijiet tal-kambju

Dwar

L-Eurosistema tmexxi l-operazzjonijiet tal-kambju skont l-Artikoli 127 u 219 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-operazzjonijiet tal-kambju jinkludu:

  • interventi fis-swieq tal-kambju;
  • operazzjonijiet bħall-bejgħ ta’ introjtu mill-imgħax miġbur minn assi f'riżervi barranin u minn “tranżazzjonijiet kummerċjali”.

Interventi fis-swieq tal-kambju

Azzjoni unilaterali jew miftiehma

Fin-nuqqas ta’ ftehim formali jew linji gwida ġenerali, l-Eurosistema tista’ tiddeċiedi, fejn ikun meħtieġ, li tagħmel interventi fis-swieq tal-kambju. L-Eurosistema tista’ tagħmel dawn l-interventi jew għal rasha (i.e. unilateralment) jew bħala parti minn intervent koordinat li jinvolvi banek ċentrali oħra (i.e. azzjoni miftiehma).

Interventi ċentralizzati jew deċentralizzati

L-interventi jistgħu jsiru jew direttament mill-Bank Ċentrali Ewropew (i.e. b’mod ċentralizzat) jew mill-banek ċentrali nazzjonali li jkunu qegħdin jaġixxu f’isem il-BĊE fuq bażi ta’ “aġenzija skoperta” (i.e. b’mod deċentralizzat). Kemm jekk l-intervent isir b’mod ċentralizzat u kemm jekk isir b’mod deċentralizzat, ftit li xejn jagħmel differenza mill-aspett tal-għan aħħari tal-operazzjoni.

Kull intervent li jkollu x’jaqsam ma’ muniti oħra tal-Unjoni Ewropea jitwettaq bla ħsara għall-għan ewlieni tal-BĊE li jżomm il-prezzijiet stabbli u jsir mill-Eurosistema b’kooperazzjoni mill-qrib mal-bank ċentrali rilevanti barra ż-żona tal-euro, b’mod partikolari fir-rigward tal-finanzjament tal-intervent.

Il-mekkaniżmu tal-kambju (ERM II)

Sfond

L-interventi fis-swieq tal-kambju jistgħu jsiru wkoll fi ħdan il-qafas tal-mekkaniżmu tal-kambju (ERM II) li daħal fis-seħħ fil-bidu tat-Tielet Fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. L-ERM II huwa bbażat primarjament fuq żewġ dokumenti legali: ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 1997 u l-Ftehim tal-1 ta’ Settembru 1998, kif emendat, bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro.

Konvenzjonijiet u proċeduri għall-ERM II (bl-Ingliż)

Parteċipanti

Id-Danimarka pparteċipat fl-ERM II mill-4 ta' Jannar 1999, wara li pparteċipat fl-ERM oriġinali. Il-Bulgarija ssieħbet fit-13 ta' Lulju 2020.

Ir-rati ċentrali tal-euro u r-rati ta’ intervent obbligatorju għall-muniti li qegħdin jieħdu sehem fl-ERM II

Munita EUR 1 =
Krone Daniż (DKK) L-ogħla rata 7.62824
Ir-rata ċentrali 7.46038
L-anqas rata 7.29252
Il-lev Bulgaru (BGN) L-ogħla rata 2.24920
Ir-rata ċentrali 1.95583
L-anqas rata 1.66246
Il-kuna Kroata (HRK) L-ogħla rata 8.66468
Ir-rata ċentrali 7.53450
L-anqas rata 6.40433

Is-sehem tal-Kunsill ECOFIN

L-interventi fis-swieq tal-kambju jistgħu jsiru wkoll fil-qafas tar-relazzjonijiet istituzzjonali dwar il-kambju bejn l-euro u l-muniti ta’ pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea (e.g. id-dollaru Amerikan u l-yen Ġappuniż). Fir-rigward ta’ dawn il-muniti, l-Artikolu 219 tat-Trattat jipprevedi li jista’ jkun hemm żewġ dispożizzjonijiet istituzzjonali:

  • il-Kunsill ECOFIN jista’ jikkonkludi ftehim formali dwar sistema ta’ rata tal-kambju għall-euro;
  • il-Kunsill ECOFIN jista’ jifformula linji gwida ġenerali għall-politika tal-kambju tal-Eurosistema.

S’issa, l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ proċeduri ma ġiet implimentata. Il-Bank Ċentrali Ewropew jidħol fiż-żewġ każijiet jew biex jagħti rakkomandazzjoni lill-Kunsill ECOFIN, jew biex jiġi kkonsultat minnu. Dawn iż-żewġ proċeduri istituzzjonali madankollu għandhom ikunu bla ħsara għall-għan ewlieni li l-prezzijiet jinżammu stabbli. Il-kapaċità tal-BĊE li jagħmel interventi fis-swieq tal-kambju mhijiex ristretta mir-riżervi barranin li għandu. Il-BĊE jista’ wkoll jiffinanzja l-interventi b’mezzi oħrajn, pereżempju bi swaps tal-kambju.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima