Ir-rwol tal-flus kontanti
Il-flus kontanti huma l-aktar mezz ta’ ħlas użat ta’ spiss fil-ħwienet fiż-żona tal-euro u jistgħu jintużaw minn kullħadd.
Il-flus kontanti joffru funzjonijiet u benefiċċji importanti oħrajn:
- Jiżguraw il-libertà u l-awtonomija tiegħek. Il-karti tal-flus u l-muniti huma l-unika forma ta’ flus li n-nies jistgħu jżommu mingħajr ma jinvolvu lil terzi. M'għandekx bżonn aċċess għal apparat, l-internet jew l-elettriku biex tħallas bil-flus kontanti, li jfisser li jistgħu jintużaw meta ma jkunx hemm elettriku jew jekk titlef il-kard tiegħek.
- Huma valuta legali. Il-kredituri, bħal ħwienet u ristoranti, ma jistgħux jirrifjutaw il-flus kontanti, ħlief jekk kemm huma kif ukoll il-klijent ikunu qablu fuq mezz ieħor ta’ ħlas bil-quddiem. Għal aktar tagħrif, ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-22 ta’ Marzu 2010 dwar l-ambitu u l-effetti tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro bħala valuta legali (2010/191/EU).
- Dawn jiżguraw il-privatezza tiegħek. It-tranżazzjonijiet bi flus kontanti jirrispettaw id-dritt fundamentali tagħna li jkollna l-privatezza, id-data u l-identità tagħna protetti fi kwistjonijiet finanzjarji.
- Huma inklużivi. Il-flus kontanti jipprovdu għażliet ta’ ħlas u tfaddil għal persuni b’aċċess limitat jew bl-ebda aċċess għal flus diġitali, u jagħmluha kruċjali għall-inklużjoni ta’ ċittadini soċjalment vulnerabbli bħall-anzjani jew gruppi bi dħul aktar baxx.
- Jgħinuk iżżomm kont tal-ispejjeż tiegħek. Il-flus kontanti jippermettulek li żżomm kontroll aktar mill-qrib tan-nefqa tiegħek, pereżempju billi ma jħallukx tonfoq iżżejjed.
- Huma veloċi. Il-karti tal-flus u l-muniti huma forma ta’ ħlas immedjat.
- Huma siguri. Il-flus kontanti wrew li huma siguri f’termini ta’ ċiberkriminalità, frodi u falsifikazzjoni. U, peress li huma flus tal-bank ċentrali, ma jinvolvux riskji finanzjarji, la għal min iħallas u lanqas għal min jitħallas.
- Huma ħażna ta’ valur. Il-flus kontanti huma ferm iżjed milli sempliċi strument ta’ ħlas. Jippermettu lin-nies iżommu l-flus għal skopijiet ta’ tfaddil mingħajr riskju ta’ inadempjenza. Huma utli għal rigali u ħlasijiet żgħar minn persuna lil persuna. Pereżempju, il-ġenituri jistgħu jafdaw ammonti żgħar ta’ flus kontanti lil uliedhom għal xiri żgħir, jew persuna tista’ tagħti lil xi ħabib jew persuna oħra li taf flus biex tixtri xi ħaġa f’isimhom. Il-flus kontanti jikkontribwixxu għal-litteriżmu finanzjarju tat-tfal.