Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Qafas politika tal-UEM

Il-BĊE jopera fi ħdan il-qafas tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) tal-Unjoni Ewropea.

Governanza fuq livelli multipli

Bl-introduzzjoni tal-euro, il-kompetenzi tal-politika monetarja u tal-politika dwar ir-rati tal-kambju ġew trasferiti lill-BĊE. Fl-istess ħin, il-kompetenzi tal-politika ekonomika – bħalma hi l-politika fiskali jew il-politika tas-suq tax-xogħol – fil-biċċa l-kbira baqgħu responsabbli għalihom il-leġiżlaturi nazzjonali.

L-istruttura tal-governanza fuq livelli multipli tal-UEM tirrifletti, fost l-oħrajn, ir-realtà ekonomika li l-munita unika u s-Suq Uniku tal-UE wasslu biex l-ekonomiji tal-Ewropa saru interdipendenti ħafna. Dawn l-interdipendenzi jwasslu għal effett ta' kontaġju fil-membri kollha, speċjalment tal-unjoni monetarja, i.e. deċiżjonijiet dwar il-politika jew żviluppi ekonomiċi f'pajjiż membru jaffettwaw bil-qawwa pajjiżi membri oħra.

Koordinazzjoni tal-politika nazzjonali

Fi ħdan l-UEM, il-politika ekonomika nazzjonali hi soġġetta għal qafas Ewropew ta' koordinazzjoni u sorveljanza. Dan jiżgura li din il-politika tkun orjentata lejn is-sostenibbiltà u l-kapaċità ta' rkupru mill-iskossi, u jikkontribwixxi għal funzjonament bla xkiel tal-UEM u b'hekk jappoġġa wkoll il-politika monetarja unika billi jwassal għall-istabbiltà tal-prezzijiet.

Barra dan, it-tweġibiet tal-politika nazzjonali koordinata jistgħu jkunu iżjed effettivi biex jevitaw jew itaffu l-iskossi ekonomiċi li jaffettwaw il-biċċa l-kbira tal-membri, jew il-membri kollha, tal-unjoni monetraja.

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (SGP) ġie adottat fl-1997 biex isaħħaħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-sostenibbiltà fiskali. Finanzi pubbliċi sodi jgħinu biex jinkisbu għanijiet importanti oħra tal-politika bħal tkabbir qawwi u sostenibbli, u b'hekk jiġi sostnut ukoll il-ħolqien tal-impjiegi.

Is-Semestru Ewropew

Sorveljanza mill-UE tal-politika ekonomika tal-Istati Membri tagħha tiġi organizzata fuq ċiklu annwali, magħruf bħala Semestru Ewropew. Dan il-proċess twaqqaf biex tiġi allinjata aħjar is-sorveljanza mill-UE tal-politika fiskali u ekonomika, li legalment jibqgħu separati.

Din il-politika tiġi valutata simultanjament biex tiżgura konsistenza ikbar fost il-proċessi differenti ta' sorveljanza u biex tinkiseb valutazzjoni olistika tal-ekonomiji tal-Istati Membri u l-interazzjoni tagħhom.

Il-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku

Il-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku (MIP) hi maħsuba biex tidentifika u tindirizza żbilanċi makroekonomiċi u telf ta' kompetittività. Hu importanti li jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi biex titjieb il-kapaċità ekonomika ta' rkupru mill-iskossi fiż-żona tal-euro u għall-prevenzjoni ta' kriżijiet li jistgħu jinqalgħu.

Il-Kompletazzjoni tal-UEM

Minkejja l-ħafna titjib li sar f'dawn l-aħħar snin, l-istruttura tal-governanza ekonomika tal-UEM għadha tbati minn xi dgħufijiet.

Id-deċiżjonijiet tal-politika ekonomika huma soġġetti għal koordinazzjoni moderata fil-livell Ewropew, u dan jista' joħloq nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta' politika ekonomika soda. Fuq dan l-isfond, hu mistenni li jittieħdu iżjed passi biex tiġi kompletata l-arkitettura tal-UEM.

Fl-2012 u l-2015 il-BĊE ħa sehem fl-abbozzar ta' pjani dettaljati biex tissaħħaħ l-UEM, li wassal għall-pubblikazzjoni ta' pjan direzzjonali msemmi “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Europa”, imsejjaħ ukoll Rapport tal-Ħames Presidenti. Dan ir-rapport jistabbilixxi l-prinċipji u l-passi ewlenin meħtieġa biex tiġi kompletata l-UEM taħt erba' intestaturi:Unjoni Ekonomika ġenwina, Unjoni Finanzjarja, Unjoni Fiskali u Unjoni Politika. Dan iqis passi fuq żmien kemm qasir kif ukoll twil, iżda li għandhom jittieħdu mhux iżjed tard mill-2025. B'hekk joffri pjan direzzjonali biex tissaħħaħ l-UEM, pjan li hu ambizzjuż, iżda pragmatiku.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima