Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Christine Lagarde
The President of the European Central Bank
Luis de Guindos
Vice-President of the European Central Bank
  • STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,

Frankfurt am Main, 15 ta’ Ġunju 2023

Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.

L-inflazzjoni ilha nieżla iżda hija pproġettata li tibqa' għolja wisq għal żmien twil wisq. Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni terġa' lura fil-ħin għall-mira tagħna ta' terminu medju ta' tnejn fil-mija. Il-Kunsill Governattiv għalhekk illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi.

Iż-żieda fir-rata llum tirrifletti l-valutazzjoni aġġornata tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Skont il-projezzjonijiet ta’ Ġunju, il-persunal tagħna jipprevedi l-inflazzjoni ġenerali għal medja ta’ 5.4 fil-mija fl-2023, 3.0 fil-mija fl-2024 u 2.2 fil-mija fl-2025. L-indikaturi tal-pressjonijiet sottostanti tal-prezzijiet għadhom b'saħħithom, għalkemm xi wħud juru sinjali tentattivi ta' trattib. Il-persunal irreveda l-projezzjonijiet tagħhom għall-inflazzjoni esklużi l-enerġija u l-ikel, speċjalment għal din is-sena u s-sena d-dieħla, minħabba sorpriżi ta’ żidiet fil-passat u l-implikazzjonijiet tas-suq tax-xogħol robust għall-veloċità tad-diżinflazzjoni. Issa qed jarawha tilħaq 5.1 fil-mija fl-2023, qabel ma tonqos għal 3.0 fil-mija fl-2024 u 2.3 fil-mija fl-2025. Il-persunal naqqsu xi ftit il-projezzjonijiet ta’ tkabbir ekonomiku tagħhom għal din is-sena u s-sena d-dieħla. Issa jistennew li l-ekonomija tikber b’0.9 fil-mija fl-2023, b’1.5 fil-mija fl-2024 u b’1.6 fil-mija fl-2025.

Fl-istess ħin, iż-żidiet fil-passat tagħna fir-rati qed jiġu trażmessi b'mod qawwi għall-kundizzjonijiet ta' finanzjament u gradwalment qed ikollhom impatt fl-ekonomija kollha. L-ispejjeż tas-self żdiedu ħafna u t-tkabbir fis-self qed jonqos. Kundizzjonijiet ta' finanzjament aktar stretti huma raġuni ewlenija għaliex l-inflazzjoni hija mbassra li tonqos aktar lejn il-mira tagħna, peress li huma mistennija li jrażżnu d-domanda dejjem aktar.

Id-deċiżjonijiet futuri tagħna se jiżguraw li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jinġiebu għal livelli restrittivi biżżejjed biex jinkiseb ritorn f'waqtu tal-inflazzjoni għall-mira tagħna ta' terminu medju ta' tnejn fil-mija u se jinżammu f'dawk il-livelli sakemm ikun meħtieġ. Se nkomplu nsegwu approċċ dipendenti mid-data biex niddeterminaw il-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni. B’mod partikolari d-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax, se jibqgħu ddeterminati mill-valutazzjoni tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Il-Kunsill Governattiv jikkonferma li se jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt il-programm tax-xiri tal-assi minn Lulju 2023.

Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.

Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjegaw il-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.

Attività ekonomika

L-ekonomija taż-żona euro staġnat fl-aħħar xhur. Bħal fir-raba’ trimestru tas-sena li għaddiet, naqset b’0.1 fil-mija fl-ewwel trimestru tal-2023, fost tnaqqis fil-konsum privat u pubbliku. It-tkabbir ekonomiku x’aktarx li jibqa’ dgħajjef fiż-żmien qasir iżda jissaħħaħ matul is-sena, hekk kif l-inflazzjoni tonqos u t-tfixkil fil-provvista jkompli jonqos. Il-kundizzjonijiet f’setturi differenti tal-ekonomija huma irregolari: il-manifattura qed tkompli tiddgħajjef, parzjalment minħabba domanda globali aktar baxxa u kundizzjonijiet ta’ finanzjament taż-żona tal-euro aktar stretti, filwaqt li s-servizzi jibqgħu reżiljenti.

Is-suq tax-xogħol jibqa' sors ta' saħħa. Kważi miljun impjieg ġdid żdiedu fl-ewwel trimestru tas-sena u r-rata tal-qgħad kienet fil-baxx storiku tagħha ta’ 6.5 fil-mija f’April. In-numru medju ta’ sigħat maħduma żdied ukoll, għalkemm għadu kemxejn taħt il-livell ta’ qabel il-pandemija.

Hekk kif il-kriżi tal-enerġija tgħib, il-gvernijiet għandhom ireġġgħu lura l-miżuri ta’ appoġġ relatati fil-pront u b’mod miftiehem biex jevitaw li jgħollu l-pressjonijiet inflazzjonarji fuq medda medja ta’ żmien, li jkun jitlob rispons ta’ politika monetarja aktar b’saħħitha. Il-politiki fiskali għandhom ikunu mfassla biex jagħmlu l-ekonomija tagħna aktar produttiva u gradwalment inaqqsu d-dejn pubbliku għoli. Politiki li jtejbu l-kapaċità tal-provvista taż-żona tal-euro, speċjalment fis-settur tal-enerġija, jistgħu wkoll jgħinu biex jitnaqqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet fuq żmien medju. Ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE għandha tiġi konkluża dalwaqt.

L-inflazzjoni

L-inflazzjoni niżlet aktar għal 6.1 fil-mija f'Mejju, skont l-istima preliminari tal-Eurostat, minn 7.0 fil-mija f'April. It-tnaqqis kien mifrux. L-inflazzjoni tal-prezz tal-enerġija, li kienet żdiedet f'April, reġgħet bdiet ix-xejra 'l isfel tagħha u kienet negattiva f'Mejju. L-inflazzjoni tal-prezz tal-ikel reġgħet waqgħet iżda baqgħet għolja għal 12.5 fil-mija.

L-inflazzjoni minbarra l-enerġija u l-ikel naqset f’Mejju għat-tieni xahar konsekuttiv, għal 5.3 fil-mija minn 5.6 fil-mija f’April. L-inflazzjoni tal-merkanzija naqset aktar, għal 5.8 fil-mija minn 6.2 fil-mija f'April. L-inflazzjoni tas-servizzi naqset għall-ewwel darba f’diversi xhur, minn 5.2 fil-mija għal 5.0 fil-mija. L-indikaturi tal-pressjonijiet sottostanti tal-prezzijiet għadhom b'saħħithom, għalkemm xi wħud juru sinjali tentattivi ta' trattib.

Iż-żidiet tal-passat fl-ispejjeż tal-enerġija għadhom qed iżidu l-prezzijiet fl-ekonomija kollha. Id-domanda akkumulata mill-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija tkompli wkoll tgħolli l-inflazzjoni, speċjalment fis-servizzi. Il-pressjonijiet tal-pagi, filwaqt li parzjalment jirriflettu ħlasijiet ta’ darba, qed isiru sors ta’ inflazzjoni dejjem aktar importanti Il-kumpens għal kull impjegat żdied b’5.2 fil-mija fl-ewwel trimestru tas-sena u pagi nnegozjati b’4.3 fil-mija. Barra minn hekk, id-ditti f'xi setturi setgħu jżommu l-profitti relattivament għoljin, speċjalment fejn id-domanda qabżet il-provvista. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fit-tul bħalissa huma madwar 2 fil-mija, xi indikaturi jibqgħu elevati u jeħtieġ li jiġu mmonitorjati mill-qrib.

Valutazzjoni tar-riskji

Il-prospetti għat-tkabbir ekonomiku u l-inflazzjoni għadhom inċerti ħafna. Ir-riskji negattivi għat-tkabbir jinkludu l-gwerra mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukraina u żieda f’tensjonijiet ġeopolitiċi usa’, li jistgħu jifframmentaw il-kummerċ globali u b’hekk ikunu ta’ piż fuq l-ekonomija taż-żona tal-euro. It-tkabbir jista' wkoll ikun aktar kajman jekk l-effetti tal-politika monetarja jkunu aktar qawwija milli previst. Tensjonijiet imġedda fis-suq finanzjarju jistgħu jwasslu għal kundizzjonijiet ta' finanzjament saħansitra aktar stretti milli kien antiċipat u jdgħajfu l-fiduċja. Barra minn hekk, tkabbir aktar dgħajjef fl-ekonomija dinjija jista’ jkompli jrażżan l-attività ekonomika fiż-żona tal-euro. Madankollu, it-tkabbir jista’ jkun ogħla minn dak previst jekk is-suq tax-xogħol b’saħħtu u l-inċertezza li qed tonqos ifissru li n-nies u n-negozji jsiru aktar kunfidenti u jonfqu aktar. 

Riskji li jżidu l-inflazzjoni jinkludu pressjonijiet miżjuda potenzjali mill-ġdid fuq l-ispejjeż tal-enerġija u l-ikel, relatati wkoll mal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukraina. Żieda persistenti fl-aspettattivi tal-inflazzjoni 'l fuq mill-mira tagħna jew ogħla minn żidiet antiċipati fil-pagi jew il-marġnijiet ta' profitt, jistgħu jixprunaw ukoll inflazzjoni ogħla, inkluż fuq żmien medju. Ftehimiet riċenti dwar il-pagi f'numru ta' pajjiżi żiedu mar-riskji ta' żieda għall-inflazzjoni. B’kuntrast, tensjonijiet imġedda fis-suq finanzjarju jistgħu jbaxxu l-inflazzjoni aktar malajr milli previst. Domanda aktar dgħajfa, pereżempju minħabba trażmissjoni aktar b'saħħitha tal-politika monetarja, twassal ukoll għal pressjonijiet tal-prezzijiet aktar baxxi, speċjalment fuq terminu medju. Barra minn hekk, l-inflazzjoni tonqos aktar malajr jekk it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija u żidiet aktar baxxi fil-prezzijiet tal-ikel kellhom jgħaddu għal prodotti u servizzi oħra aktar malajr milli mistenni bħalissa.

Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji

L-issikkar tal-politika monetarja tagħna qed ikompli jiġi rifless f’rati tal-imgħax mingħajr riskju u kundizzjonijiet ta’ finanzjament usa’. Il-kundizzjonijiet tal-finanzjament huma aktar stretti għall-banek u l-kreditu qed jiswa aktar għad-ditti u l-familji. F'April ir-rati tas-self laħqu l-ogħla livell f'aktar minn għaxar snin, u kienu 4.4 fil-mija għas-self tan-negozju u 3.4 fil-mija għall-ipoteki.

Dawn ir-rati ogħla ta’ self, flimkien ma’ kundizzjonijiet ta’ provvista ta’ kreditu aktar stretti u domanda aktar baxxa għas-self, komplew idgħajfu d-dinamika tal-kreditu. It-tkabbir annwali tas-self lil ditti reġa' naqas f'April, għal 4.6 fil-mija. Il-bidliet minn xahar għal xahar kienu negattivi bħala medja minn Novembru. Is-self lill-unitajiet domestiċi kiber b’rata annwali ta’ 2.5 fil-mija f’April u żdied biss marġinalment xahar wara xahar. Self bankarju dgħajjef u t-tnaqqis fil-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema wasslu għal tnaqqis kontinwu fit-tkabbir annwali ġenerali tal-flus għal 1.9 fil-mija f'April. Il-bidliet ta’ xahar għal xahar fil-flus ġenerali kienu negattivi minn Diċembru.

F'konformità mal-istrateġija tal-politika monetarja tagħna, il-Kunsill Governattiv ivvaluta bir-reqqa r-rabtiet bejn il-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja. Il-prospettiva tal-istabbiltà finanzjarja baqgħet ta’ sfida mill-aħħar reviżjoni tagħna f’Diċembru 2022. Kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti qed iżidu l-ispejjeż tal-finanzjament tal-banek u r-riskju tal-kreditu ta’ self pendenti. Flimkien mat-tensjonijiet riċenti fis-sistema bankarja tal-Istati Uniti, dawn il-fatturi jistgħu jagħtu lok għal stress sistemiku u jnaqqsu t-tkabbir ekonomiku fi żmien qasir. Fattur ieħor li hu ta’ piż fuq ir-reżiljenza tas-settur finanzjarju huwa tnaqqis fis-swieq tal-proprjetà immobbli, li jista’ jiġi amplifikat minn spejjeż ogħla tas-self u żieda fil-qgħad. Fl-istess ħin, il-banek taż-żona tal-euro għandhom pożizzjonijiet b’saħħithom ta’ kapital u likwidità, li jtaffu dawn ir-riskji ta’ stabbiltà finanzjarja. IIl-politika makroprudenzjali tibqa' l-ewwel linja ta' difiża kontra l-akkumulazzjoni ta' vulnerabbiltajiet finanzjarji.

Konklużjoni

L-inflazzjoni ilha nieżla iżda hija pproġettata li tibqa' għolja wisq għal żmien twil wisq. Il-Kunsill Governattiv għalhekk illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE b'25 punt bażi, fid-dawl tad-determinazzjoni tagħna li niżguraw li l-inflazzjoni terġa' lura għall-mira tagħna ta' terminu medju ta' tnejn fil-mija fil-ħin.

Id-deċiżjonijiet futuri tagħna se jiżguraw li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jinġiebu għal livelli restrittivi biżżejjed biex jinkiseb ritorn f'waqtu tal-inflazzjoni għall-mira tagħna ta' terminu medju ta' tnejn fil-mija u se jinżammu f'dawk il-livelli sakemm ikun meħtieġ. Se nkomplu nsegwu approċċ dipendenti mid-data biex niddeterminaw il-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni. B’mod partikolari d-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax, se jibqgħu ddeterminati mill-valutazzjoni tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u biex nippreservaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja