Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhuma d-divulgazzjonijiet klimatiċi?

21 ta’ April 2023 (aġġornat fil-25 ta’ Ġunju 2024)

Id-divulgazzjonijiet klimatiċi huma dokumenti li organizzazzjonijiet bħal kumpaniji, banek u istituzzjonijiet bħall-BĊE jippubblikaw dwar l-impronta tal-karbonju tal-attivitajiet tagħhom u l-iskoperturi tagħhom għar-riskji klimatiċi. Jgħidulna kemm l-attivitajiet ta’ organizzazzjoni jaffettwaw, u huma affettwati mit-tibdil fil-klima.

Pereżempju, id-divulgazzjonijiet klimatiċi jistgħu juru kemm il-fabbriki ta' kumpanija jipproduċu CO2, l-effett ta’ temp estrem bħal għargħar jew nixfa fuq in-negozju, jew kemm huma ekoloġiċi l-investimenti tagħha. U jistgħu jgħidulna x'tippjana li tagħmel l-organizzazzjoni dwar dan.

Id-divulgazzjonijiet klimatiċi jistgħu jieħdu diversi forom. Jistgħu jinħarġu bħala rapport, paġna web jew mezz ieħor ta' komunikazzjoni pubblika.

Kif huma ta' għajnuna d-divulgazzjonijiet klimatiċi?

Bl-għarfien li jġibu, id-divulgazzjonijiet klimatiċi jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati. Hekk kif it-tikketti tan-nutrizzjoni fuq l-ikel jgħinu lin-nies jagħmlu għażliet aktar tajbin għas-saħħa, id-divulgazzjonijiet klimatiċi jindikaw għażliet aktar ekoloġiċi meta nixtru jew ninvestu. Jekk ilkoll nibbażaw id-deċiżjonijiet tagħna fuqhom, aktar flus se jmorru għal attivitajiet u teknoloġiji li jgħinu lill-ekonomija tagħna ssir aktar ekoloġika.

Id-divulgazzjonijiet klimatiċi jagħtu wkoll lin-nies stampa aktar ċara tar-riskji meta jinnegozjaw ma’ ċerti kumpaniji jew banek. Pereżempju, ditta b'emissjonijiet għoljin ta' gassijiet serra tista' tiltaqa' ma' diffikultà jekk politiki ġodda dwar il-klima jġiegħluha tibdel il-prattiki kummerċjali tagħha.

Il-kumpanija tista’ titlef in-negozju jew saħansitra jkollha tagħlaq, speċjalment jekk ma jkollhiex strateġija soda biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju tagħha jew biex tlaħħaq mal-impatt tal-klima li qed tinbidel. Kull min ikollu ishma f'dik il-kumpanija jew ikun taha self jista' jitlef ħafna flus. Xi investituri u banek jistgħu jkunu kapaċi jifilħu għal dan it-telf, iżda mhux kollha. Għalhekk, ir-riskji klimatiċi jistgħu jwasslu għal problemi u instabbiltà fl-ekonomija usa'. 

Għaliex id-divulgazzjonijiet klimatiċi huma importanti għall-BĊE?

Bħala bank ċentrali, huwa xogħolna li nżommu għajnejna fuq ir-riskji. Irridu nifhmu minn fejn jiġu r-riskji klimatiċi, l-impatt potenzjali tagħhom u x’se jsir biex dawn jiġu indirizzati. L-informazzjoni mid-divulgazzjonijiet klimatiċi tista’ tagħmel l-analiżi tagħna aktar preċiża u affidabbli. U fuq dik il-bażi, nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin biex ngħinu sabiex inżommu l-munita u s-sistema finanzjarja tagħna stabbli.

Bħala superviżur bankarju, aħna nitolbu lill-banek jibqgħu konxji tar-riskji relatati mal-klima. U ninsistu li jkunu trasparenti dwar l-espożizzjoni tagħhom għal dawk ir-riskji, speċjalment f'industriji li jużaw ħafna karbonju (bħal kostruzzjoni jew tessuti) u żoni suxxettibbli għal diżastri klimatiċi.

Pereżempju, il-banek għandhom jiġbru u jippubblikaw informazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-kumpaniji li jagħtuhom self. Għandhom ikunu miftuħin ukoll dwar il-passi li qed jieħdu biex in-negozju tagħhom ikun ekoloġiku u, b'hekk, biex itaffi t-tranżizzjoni għal ekonomija aktar sostenibbli.

Din l-informazzjoni ġdida kollha se tixħet dawl fuq l-ispejjeż moħbija tar-riskji klimatiċi.

Id-divulgazzjonijiet klimatiċi tagħna stess

Il-BĊE u l-banek ċentrali taż-żona tal-euro (magħrufa kollettivament bħala l-Eurosistema) jippubblikaw ukoll informazzjoni dwar l-impronta tal-karbonju tagħhom u kif qed jippjanaw li jnaqqsuha. Fil-BĊE, nuru fid-Dikjarazzjoni Ambjentali annwali tagħna kif qed nippruvaw nagħmlu l-operazzjonijiet tan-negozju tagħna aktar ekoloġiċi. Pereżempju, qed nużaw inqas elettriku u nnaqqsu l-emissjonijiet mill-ivvjaġġar fuq xogħol.

Fl-2023, ippubblikajna żewġ rapporti b’informazzjoni klimatika dwar l-investimenti f’assi fil-portafolji tal-politika monetarja tal-Eurosistema u l-portafolji tal-politika mhux monetarja tal-BĊE. Dawn ir-rapporti se jiġu aġġornati darba fis-sena. Barra minn hekk, il-banek ċentrali nazzjonali fiż-żona tal-euro jippubblikaw informazzjoni dwar l-impronta tal-karbonju tal-portafolji tagħhom tal-politika mhux monetarja.

Nagħmlu d-divulgazzjonijiet klimatiċi paragunabbli

Il-mod kif inkejlu u niżvelaw ir-riskji tal-klima għandu jsegwi ġabra ta’ regoli komuni.

Għal stampa ċara, jeħtieġ li nkunu kapaċi nqabblu d-divulgazzjonijiet klimatiċi bejn tipi differenti ta’ organizzazzjonijiet, u idealment anki bejn il-pajjiżi. Jeħtieġ ukoll li nkunu nistgħu nafdaw li l-informazzjoni hija sinifikanti u affidabbli. Hekk biss issir utli, li jippermettilna nagħmlu għażliet li jgħinu biex niġġestixxu aħjar ir-riskji tal-klima u nħaddmu l-ekonomija tagħna.

Għalhekk, id-divulgazzjonijiet klimatiċi jkunu meħtieġa legalment mill-banek u mill-kumpaniji kollha. Xi wħud minn dawn l-istandards komuni diġà jeżistu u dalwaqt se jkunu vinkolanti, pereżempju, id-Direttiva tal-UE dwar ir-Rappurtar tas-Sostenibbiltà Korporattiva.

Fil-livell internazzjonali, il-Bord għall-Istandards Internazzjonali tas-Sostenibbiltà qed jaħdem fuq standards li japplikaw lil hinn mill-Ewropa u jagħmlu d-divulgazzjonijiet aktar faċli biex jitqabblu bejn il-pajjiżi.