- STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA
KONFERENZA STAMPA
Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 14 ta’ Diċembru 2023
Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. Filwaqt li l-inflazzjoni naqset f'dawn l-aħħar xhur, aktarx li terġa’ titla’ temporanjament fi żmien qrib. Skont l-aħħar projezzjonijiet tal-persunal tal-Eurosistema għaż-żona tal-euro, l-inflazzjoni hija mistennija li tonqos gradwalment matul is-sena d-dieħla, qabel ma’ tavviċina l-mira ta’ 2 fil-mija fl-2025. B’mod ġenerali, il-persunal jistennew li l-inflazzjoni globali tilħaq medja ta’ 5.4 fil-mija fl-2023, 2.7 fil-mija fl-2024, 2.1 fil-mija fl-2025 u 1.9 fil-mija fl-2026. Meta mqabbla mal-projezzjonijiet tal-persunal għal Settembru, dan jammonta għal reviżjoni ’l isfel għall-2023 u speċjalment għall-2024.
L-inflazzjoni sottostanti kompliet tillaxka aktar. Iżda l-pressjonijiet tal-prezzijiet domestiċi jibqgħu għoljin, prinċipalment minħabba żieda qawwija fil-kostijiet tal-unità ta' xogħol. Il-persunal tal-Eurosistema jistennew li l-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija u l-ikel se tilħaq medja ta’ 5.0 fil-mija fl-2023, 2.7 fil-mija fl-2024, 2.3 fil-mija fl-2025 u 2.1 fil-mija fl-2026.
Iż-żidiet tal-passat fir-rata tal-imgħax ikomplu jiġu trażmessi bil-qawwa fl-ekonomija. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti qegħdin inaqqsu d-domanda, u dan qiegħed jgħin biex titnaqqas l-inflazzjoni. Il-persunal tal-Eurosistema jistennew li t-tkabbir ekonomiku jibqa’ baxx fil-futur qrib. Lil hinn minn hemm, l-ekonomija hija mistennija li tirkupra minħabba d-dħul reali li qiegħed jogħla – hekk kif in-nies jibbenefikaw minn tnaqqis fl-inflazzjoni u żieda fil-pagi – u titjib fid-domanda barranija. Il-persunal tal-Eurosistema b’hekk jaraw it-tkabbir jiżdied minn medja ta’ 0.6 fil-mija għall-2023 sa 0.8 fil-mija għall-2024, u sa 1.5 fil-mija kemm għall-2025 kif ukoll għall-2026.
Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna fi żmien medju ta’ tnejn fil-mija, b’mod f’waqtu. Abbażi tal-valutazzjoni attwali tiegħu, il-Kunsill Governattiv jikkunsidra li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jinsabu f’livelli li, jekk jinżammu għal tul ta’ żmien suffiċjenti, se jagħtu kontribut sostanzjali lejn din il-mira. Id-deċiżjonijiet futuri tagħna se jiżguraw li r-rati tal-politika tagħna jkunu ffissati f’livelli restrittivi biżżejjed għat-tul ta’ żmien meħtieġ.
Se nkomplu nsegwu approċċ dipendenti mid-data biex niddeterminaw il-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Ir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE huma l-għodda primarja tagħna biex nistabbilixxu l-pożizzjoni tal-politika monetarja. Illum iddeċidejna wkoll li navvanzaw in-normalizzazzjoni tal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jkompli jinvesti mill-ġdid, bis-sħiħ, il-ħlasijiet ta’ kapital mit-titoli li jimmaturaw li nxtraw taħt il-programm ta' xiri ta' emerġenza fil-każ ta' pandemija (PEPP) matul l-ewwel nofs tal-2024. Matul it-tieni nofs tas-sena, biħsiebu jnaqqas il-portafoll tal-PEPP b’€7.5 biljun fix-xahar bħala medja. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt il-PEPP fit-tmiem tal-2024.
Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.
Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjega l-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.
Attività ekonomika
L-ekonomija taż-żona tal-euro naqset kemmxejn fit-tielet trimestru, l-aktar minħabba tnaqqis fl-inventarji. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti u t-tnaqqis fid-domanda barranija aktarx li jkomplu jkunu ta’ piż fuq l-attività ekonomika fuq żmien fil-qrib. Il-prospetti huma partikolarment dgħajfa għall-kostruzzjoni u l-manifattura, l-aktar żewġ setturi li huma milquta mir-rati tal-imgħax ogħla. L-attività tas-servizzi wkoll hija mistennija li tbatti fix-xhur li ġejjin. Dan huwa minħabba effetti sekondarji minn attività industrijali aktar dgħajfa, l-effetti li qegħdin ibattu mill-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija u l-impatt li qed jikber tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti.
Is-suq tax-xogħol ikompli jappoġġa l-ekonomija. Ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 6.5 fil-mija f’Ottubru u l-qgħad żdied b’0.2 fil-mija matul it-tielet trimestru. Fl-istess ħin, l-ekonomija aktar dgħajfa qiegħda tnaqqas id-domanda għall-ħaddiema, hekk kif id-ditti jirriklamaw inqas postijiet tax-xogħol battala f’dawn l-aħħar xhur. Barra minn hekk, għalkemm aktar nies għandhom xogħol, in-numru totali ta’ siegħat maħduma naqqsu kemmxejn b’0.1 fil-mija fit-tielet trimestru.
Hekk kif il-kriżi tal-enerġija tbatti, il-gvernijiet għandhom ikomplu jreġġgħu lura l-miżuri ta’ appoġġ relatati. Dan huwa essenzjali biex jiġi evitat li jiżdiedu l-pressjonijiet inflazzjonarji fuq żmien medju, li altrimenti jkunu jitolbu politika monetarja saħansitra aktar stretta. Il-politiki fiskali għandhom jitfasslu biex l-ekonomija tagħna ssir aktar produttiva u biex gradwalment jitnaqqas id-dejn pubbliku għoli. Ir-riformi strutturali u l-investimenti biex tittejjeb il-kapaċità ta’ provvista taż-żona tal-euro – li jkunu appoġġati mill-implimentazzjoni sħiħa tal-programm Next Generation EU – jistgħu jgħinu biex inaqqsu l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet għal żmien medju, filwaqt li jappoġġaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għal dak il-għan, huwa importanti li jintlaħaq ftehim malajr dwar ir-riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE. Barra minn hekk, huwa imperattiv li l-progress lejn l-Unjoni tas-Swieq tal-Kapital u t-tlestija tal-Unjoni Bankarja jiġu aċċelerati.
L-inflazzjoni
L-inflazzjoni naqset matul l-aħħar xahrejn, u naqset għal rata annwali ta’ 2.4 fil-mija f’Novembru skont il-flash release tal-Eurostat. Dan it-tnaqqis kellu bażi wiesgħa. L-inflazzjoni fil-prezz tal-enerġija kompliet naqset u l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel naqset ukoll, minkejja li baqgħet relattivament għolja ġeneralment. Dan ix-xahar, l-inflazzjoni aktarx li terġa’ tiżdied minħabba effett bażi ’l fuq għall-kost tal-enerġija. Fl-2024, nistennew li l-inflazzjoni tonqos b’rata aktar baxxa minħabba effetti bażi ’l fuq ulterjuri u t-tneħħija gradwali ta’ miżuri fiskali tal-passat li kienu mmirati biex jillimitaw ir-riperkussjonijiet tax-xokk fil-prezzijiet tal-enerġija.
L-inflazzjoni li teskludi l-enerġija u l-ikel naqset bi kważi punt perċentwali sħiħ matul l-aħħar xahrejn, u naqset għal 3.6 fil-mija f’Novembru. Dan jirrifletti t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-provvista, l-effetti li qegħdin ibattu tax-xokk fil-qasam tal-enerġija li seħħ fil-passat u l-impatt ta’ politika monetarja aktar stretta fuq id-domanda u s-saħħa tal-ipprezzar tad-ditti. Ir-rati tal-inflazzjoni għall-prodotti u s-servizzi naqsu għal 2.9 fil-mija u 4.0 fil-mija rispettivament.
Il-miżuri kollha tal-inflazzjoni sottostanti naqsu f’Ottubru, iżda l-pressjonijiet tal-prezzijiet domestiċi baqgħu elevati, prinċipalment minħabba żieda b’saħħitha fil-pagi flimkien ma’ tnaqqis fil-produttività. Il-miżuri ta’ aspettatitvi ta’ inflazzjoni fuq żmien itwal jinsabu fil-biċċa l-kbira fil-medda ta’ madwar 2 fil-mija, bi tnaqqis ta’ xi indikaturi bbażati fuq is-suq ta’ kumpens għall-inflazzjoni minn livelli elevati.
Valutazzjoni tar-riskji
Ir-riskji għat-tkabbir ekonomiku jibqgħu jxaqilbu lejn tnaqqis. It-tkabbir jista’ jkun aktar baxx jekk l-effetti tal-politika monetarja jirriżultaw li huma aktar b’saħħithom milli mistenni. Ekonomija dinjija aktar dgħajfa jew tnaqqis ulterjuri fil-kummerċ globali wkoll ikunu ta’ piż fuq it-tkabbir fiż-żona tal-euro. Il-gwerra mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kunflitt traġiku fil-Lvant Nofsani huma sorsi ewlenin ta’ riskju ġeopolitiku. Dan jista’ jwassal biex id-ditti u l-unitajiet domestiċi jsiru inqas kunfidenti dwar il-futur. It-tkabbir jista’ jkun ogħla jekk id-dħul reali li qiegħed jogħla jżid l-infiq aktar milli huwa antiċipat, jew jekk l-ekonomija dinjija tikber b’mod aktar b’saħħtu milli mistenni.
Ir-riskji ta’ żieda fl-inflazzjoni jinkludu t-tensjonijiet ġeopolitiċi akbar, li jistgħu jżidu l-prezzijiet tal-enerġija fuq żmien fil-qrib, u avvenimenti ta’ temp estrem, li jistgħu jgħollu l-prezzijiet tal-ikel. L-inflazzjoni tista’ wkoll tirriżulta ogħla milli antiċipat jekk l-aspettattivi tal-inflazzjoni jaqbżu l-mira tagħna, jew jekk il-pagi jew il-marġni ta’ profitt jiżdiedu b’aktar milli mistenni. B’kuntrast l-inflazzjoni tista’ tissorprendi bi tnaqqis jekk il-politika monetarja trażżan id-domanda b’rata ogħla milli mistenni jew jekk l-ambjent ekonomiku fil-kumplament tad-dinja jmur għall-agħar b’mod mhux mistenni, potenzjalment minħabba ż-żieda reċenti fir-riskji ġeopolitiċi.
Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji
Ir-rati tal-imgħax tas-suq naqsu b’mod notevoli sa mill-aħħar laqgħa tagħna u jinsabu taħt ir-rati stabbiliti fil-projettazzjonijiet tal-persunal. Il-politika monetarja restrittiva tagħna tkompli tiġi trażmessa b’mod b’saħħtu f’kundizzjonijiet ta’ finanzjament usa’. Ir-rati tal-imgħax reġgħu żdiedu f’Ottubru, għal 5.3 fil-mija għas-self kummerċjali u 3.9 għas-self domestiku.
Ir-rati tat-tislif aktar għoljin, id-domanda aktar baxxa għal self u l-provvista aktar ristretta ta’ self komplew dgħajfu d-dinamika tal-kreditu. Is-self lid-ditti naqas b’rata annwali ta’ 0.3 fil-mija f’Ottubru u s-self lill-unitajiet domestiċi wkoll baqa’ baxx, b’rata ta’ tkabbir annwali ta’ 0.6 fil-mija. B’tislif aktar dgħajjef u t-tnaqqis fil-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema, il-flus fi kwalunkwe forma – kif imkejla minn M3 – komplew jonqsu. F’Ottubru naqsu b’rata annwali ta’ 1.0 fil-mija.
F'konformità mal-istrateġija tal-politika monetarja tagħna, il-Kunsill Governattiv ivvaluta rigorożament ir-rabtiet bejn il-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja. Il-banek taż-żona tal-euro wrew ir-reżiljenza tagħhom. Għandhom proporzjonijiet tal-kapital għoljin u saru notevolment aktar profittabbli matul l-aħħar sena. Iżda l-prospettiva tal-istabbiltà finanzjarja tibqa’ fraġli fl-ambjent attwali tal-issikkar tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament, tkabbir dgħajjef u tensjonijiet ġeopolitiċi. B’mod partikolari, is-sitwazzjoni tista’ tmur għall-agħar jekk il-kostijiet ta’ finanzjament tal-banek kellhom jiżdiedu aktar milli mistenni u jekk aktar persuni li jissellfu jbatu biex iħallsu lura s-self tagħhom. Fl-istess ħin, l-impatt ġenerali ta’ dak ix-xenarju fuq l-ekonomija għandu jiġi mrażżan jekk is-swieq finanzjarji jirreaġixxu b’mod ordnat. Il-politika makroprudenzjali tibqa’ l-ewwel linja ta’ difiża kontra l-akkumulazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet finanzjarji, u l-miżuri fis-seħħ jikkontribwixxu biex jippreżervaw ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja.
Konklużjoni
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna fi żmien medju ta’ tnejn fil-mija, b’mod f’waqtu. Abbażi tal-valutazzjoni attwali tagħna, nikkunsidraw li r-rati jinsabu f’livelli li, meta miżmuma għal żmien twil biżżejjed, jagħtu kontribut sostanzjali għar-ritorn f’waqtu tal-inflazzjoni għall-mira tagħna. Id-deċiżjonijiet futuri tagħna se jiżguraw li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jkunu ffissati f’livelli restrittivi biżżejjed għat-tul ta’ żmien meħtieġ sabiex jiġi żgurat dak ir-ritorn f’waqtu. Se nkomplu nsegwu approċċ dipendenti mid-data biex niddeterminaw il-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni.
Il-Kunsill Governattiv beħsiebu jnaqqas il-portafoll tal-PEPP matul it-tieni nofs tal-2024 u biex iwaqqaf l-investimenti mill-ġdid tiegħu taħt il-PEPP fi tmiem l-2024.
Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u biex nippreservaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja