Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Christine Lagarde
The President of the European Central Bank
Luis de Guindos
Vice-President of the European Central Bank
  • STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE

Frankfurt am Main, 14 ta’ Settembru 2023

Il-wara nofsinhar it-tajjeb, il-Viċi President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.

L-inflazzjoni qed tkompli tonqos iżda mistennija li tibqa’ għolja wisq għal żmien twil wisq. Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura fi żmien medju għall-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija, b’mod f’waqtu. Biex jissaħħaħ il-progress lejn il-mira tagħna, il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi.

Iż-żieda fir-rata llum tirrifletti l-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li qed taslilna, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. It-tbassir makroekonomiku għal Settembru mill-persunal tal-BĊE għaż-żona tal-euro jipprevedi inflazzjoni medja ta’ 5.6 fil-mija fl-2023, 3.2 fil-mija fl-2024 u 2.1 fil-mija fl-2025. Din hija reviżjoni ‘l fuq għall-2023 u l-2024 u reviżjoni ’l isfel għall-2025. Ir-reviżjoni ’l fuq għall-2023 u l-2024 prinċipalment tirrifletti trajettorja ogħla għall-prezzijiet tal-enerġija. Il-pressjonijiet sottostanti tal-prezzijiet għadhom għoljin, minkejja li l-biċċa l-kbira tal-indikaturi bdew jonqsu. Il-persunal tal-BĊE rreveda kemmxejn ‘l isfel it-trajettorja proġettata għall-inflazzjoni minbarra l-enerġija u l-ikel, għal medja ta’ 5.1 fil-mija fl-2023, 2.9 fil-mija fl-2024 u 2.2 fil-mija fl-2025. Iż-żidiet fir-rati tal-imgħax tal-passat qed ikomplu jiġu trażmessi bil-qawwa. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament komplew jissikkaw u qegħdin dejjem aktar inaqqsu d-domanda, li huwa fattur importanti biex l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira. Bl-impatt dejjem akber tal-issikkar tagħna fuq id-domanda domestika u l-ambjent kummerċjali internazzjonali li qed jiddgħajjef, il-persunal tal-BĊE naqqsu b’mod sinifikanti t-tbassir tagħhom tat-tkabbir ekonomiku. Issa huma jistennew li l-ekonomija taż-żona tal-euro tespandi b’0.7 fil-mija fl-2023, 1.0 fil-mija fl-2024 u 1.5 fil-mija fl-2025.

Abbażi tal-valutazzjoni attwali tagħna, aħna nqisu li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE laħqu livelli li, jekk jinżammu għal żmien twil biżżejjed, se jagħtu kontribut sostanzjali biex l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna b’mod f’waqtu. Id-deċiżjonijiet futuri tagħna se jiżguraw li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jiġu stabbiliti f’livelli restrittivi biżżejjed għat-tul ta’ żmien meħtieġ. Se nkomplu nsegwu approċċ li jiddependi fuq id-data biex niddeterminaw il-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkomplu jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li taslilna, id-dinamiċi tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.

Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjegaw il-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.

Attività ekonomika

L-ekonomija x’aktarx li tibqa’ mrażżna fix-xhur li ġejjin. Din staġnat b’mod ġenerali matul l-ewwel nofs tas-sena, u l-indikaturi reċenti jissuġġerixxu li kienet dgħajfa wkoll fit-tielet trimestru. It-tnaqqis fid-domanda għall-esportazzjonijiet taż-żona tal-euro u l-impatt ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament stretti qed ixekklu t-tkabbir, inkluż permezz ta’ inqas investiment residenzjali u kummerċjali. Is-settur tas-servizzi, li s’issa kien reżiljenti, issa qed jiddgħajjef ukoll. Maż-żmien, il-momentum ekonomiku għandu jaqbad ritmu, hekk kif id-dħul reali huwa mistenni li jiżdied, sostnut minn tnaqqis fl-inflazzjoni, żieda fil-pagi u suq tax-xogħol b’saħħtu, u din se tkun il-bażi tal-infiq tal-konsumatur.

Is-suq tax-xogħol s’issa baqa’ reżiljenti minkejja l-ekonomija li qed tnaqqas fir-ritmu. Ir-rata tal-qgħad baqgħet fil-livell storiku baxx tagħha ta’ 6.4 fil-mija f’Lulju. Filwaqt li l-impjiegi żdiedu b’0.2 fil-mija fit-tieni trimestru, il-momentum qed inaqqas fir-ritmu. Is-settur tas-servizzi, li ilu mutur ewlieni tat-tkabbir fl-impjiegi minn nofs l-2022, issa qed joħloq ukoll inqas impjiegi.

Hekk kif il-kriżi tal-enerġija qed tbatti, il-gvernijiet għandhom ikomplu jreġġgħu lura l-miżuri ta’ appoġġ relatati. Dan huwa essenzjali biex jiġi evitat li jiżdiedu l-pressjonijiet inflazzjonarji fuq żmien medju, li inkella jitolbu rispons aktar b’saħħtu tal-politika monetarja. Il-politiki fiskali għandhom jitfasslu biex l-ekonomija tagħna ssir aktar produttiva u biex gradwalment jitnaqqas id-dejn pubbliku għoli. Il-politiki biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-provvista taż-żona tal-euro — li tkun appoġġata mill-implimentazzjoni sħiħa tal-programm Next Generation EU — jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet fuq terminu medju, filwaqt li jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika. Ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE għandha tiġi konkluża qabel tmiem din is-sena u l-progress lejn l-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandu jżid fir-ritmu.

Inflazzjoni

L-inflazzjoni naqset għal 5.3 fil-mija f’Lulju iżda baqgħet f’dak il-livell f’Awwissu, skont l-istima preliminari tal-Eurostat. It-tnaqqis tagħha ġie interrott minħabba li l-prezzijiet tal-enerġija żdiedu meta mqabbla ma’ Lulju. L-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel naqset mill-quċċata tagħha f’Marzu iżda xorta kienet għadha kważi 10 fil-mija f’Awwissu. Fix-xhur li ġejjin, iż-żidiet qawwija fil-prezzijiet irreġistrati fil-ħarifa tal-2022 se jonqsu mir-rati annwali, u b’hekk tonqos l-inflazzjoni.

L-inflazzjoni minbarra l-enerġija u l-ikel naqset għal 5.3 fil-mija f’Awwissu, minn 5.5 fil-mija f’Lulju. L-inflazzjoni tal-prodotti naqset għal 4.8 fil-mija f’Awwissu, minn 5.0 fil-mija f’Lulju u 5.5 fil-mija f’Ġunju, minħabba kundizzjonijiet aħjar tal-provvista, tnaqqis preċedenti fil-prezzijiet tal-enerġija, tnaqqis fil-pressjonijiet tal-prezzijiet fl-istadji aktar bikrija tal-katina tal-produzzjoni u domanda aktar dgħajfa. L-inflazzjoni tas-servizzi niżlet għal 5.5 fil-mija iżda xorta nżammet ’il fuq minħabba nfiq qawwi fuq vaganzi u vjaġġar u minħabba ż-żieda għolja fil-pagi. Ir-rata ta’ tkabbir annwali tal-kumpens għal kull impjegat baqgħet kostanti fil-livell ta’ 5.5 fil-mija fit-tieni trimestru tas-sena. Il-kontribuzzjoni tal-kostijiet lavorattivi għall-inflazzjoni domestika annwali żdiedet fit-tieni trimestru, parzjalment minħabba produttività aktar dgħajfa, filwaqt li l-kontribuzzjoni tal-profitti naqset għall-ewwel darba mill-bidu tal-2022.

Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti qed jibdew jonqsu hekk kif id-domanda u l-provvista saru aktar allinjati u l-kontribut taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija fil-passat qed jonqos. Fl-istess ħin, il-pressjonijiet sottostanti tal-prezzijiet jibqgħu b'saħħithom.

Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-aspettattivi dwar l-inflazzjoni fuq żmien itwal bħalissa huma ta’ madwar 2 fil-mija. Iżda xi indikaturi żdiedu u jeħtieġ li jiġu mmonitorjati mill-qrib.

Valutazzjoni tar-riskji

Ir-riskji għat-tkabbir ekonomiku jxaqilbu lejn it-tnaqqis. It-tkabbir jista’ jkun aktar bil-mod jekk l-effetti tal-politika monetarja jkunu aktar b’saħħithom milli mistenni, jew jekk l-ekonomija dinjija tiddgħajjef, pereżempju minħabba tnaqqis ulterjuri fir-ritmu ekonomiku fiċ-Ċina. Min-naħa l-oħra, it-tkabbir jista’ jkun ogħla milli previst jekk is-suq tax-xogħol b’saħħtu, iż-żieda fid-dħul reali u t-tnaqqis fl-inċertezza jfissru li n-nies u n-negozji jsiru aktar kunfidenti u jonfqu aktar.

Ir-riskji pożittivi għall-inflazzjoni jinkludu pressjonijiet potenzjali ’l fuq imġedda fuq l-ispejjeż tal-enerġija u l-ikel. Il-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, u l-kriżi klimatika li qed tiżviluppa b’mod aktar wiesa’, jistgħu jgħollu l-prezzijiet tal-ikel b’aktar milli mistenni. Żieda persistenti fl-aspettattivi tal-inflazzjoni 'l fuq mill-mira tagħna jew ogħla minn żidiet antiċipati fil-pagi jew fil-marġnijiet ta' profitt, jistgħu jixprunaw ukoll inflazzjoni ogħla, inkluż fuq żmien medju. B’kuntrast, domanda aktar dgħajfa — pereżempju minħabba trażmissjoni aktar qawwija tal-politika monetarja jew deterjorament tal-ambjent ekonomiku barra ż-żona tal-euro — twassal għal pressjonijiet aktar baxxi fuq il-prezzijiet, speċjalment fuq terminu ta’ żmien medju.

Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji

L-issikkar tal-politika monetarja tagħna qed ikompli jiġi trażmess b’mod qawwi għal kundizzjonijiet ta’ finanzjament usa’. Il-finanzjament reġa’ sar aktar għali għall-banek, hekk kif dawk li jfaddlu qed jissostitwixxu depożiti mil-lum għall-għada b’depożiti ta’ żmien li jħallsu aktar imgħax u l-operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal tal-BĊE qed jitneħħew gradwalment. Ir-rati medji tas-self għas-self kummerċjali u s-self domestiku komplew jiżdiedu f’Lulju, għal 4.9 fil-mija u 3.8 fil-mija rispettivament.

Id-dinamika tal-kreditu ddgħajfet aktar. Is-self lill-kumpaniji kiber b’rata annwali ta’ 2.2 fil-mija f’Lulju, minn 3.0 fil-mija f’Ġunju. Is-self lill-unitajiet domestiċi kiber ukoll b’inqas saħħa, b’1.3 fil-mija, wara 1.7 fil-mija f’Ġunju. F’termini annwalizzati bbażati fuq l-aħħar tliet xhur ta’ data, is-self tal-unitajiet domestiċi naqas b’0.8 fil-mija, li huwa l-aktar kontrazzjoni b’saħħitha sa mill-bidu tal-euro. Fost it-tislif dgħajjef u t-tnaqqis fil-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema, ir-rata tat-tkabbir annwali tal-M3 naqset minn 0.6 fil-mija f’Ġunju għal -0.4 fil-mija f’Lulju. F’termini annwalizzati matul l-aħħar tliet xhur, il-M3 naqas b’1.5 fil-mija.

Konklużjoni

L-inflazzjoni qed tkompli tonqos iżda mistennija li tibqa’ għolja wisq għal żmien twil wisq. Aħna ddeterminati li niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija fi żmien medju, b’mod f’waqtu. Biex jissaħħaħ il-progress lejn il-mira tagħna, il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Abbażi tal-valutazzjoni attwali tagħna, aħna nqisu li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE laħqu livelli li, jekk jinżammu għal żmien twil biżżejjed, se jagħtu kontribut sostanzjali biex l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna f’waqtha. Id-deċiżjonijiet futuri tagħna se jiżguraw li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jiġu stabbiliti f’livelli restrittivi biżżejjed għat-tul ta’ żmien meħtieġ. Se nkomplu nsegwu approċċ li jiddependi mid-data biex niddeterminaw il-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni.

Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u biex nippreservaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja