Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

21 ta' Lulju 2022

Illum, f'konformità mal-impenn qawwi tal-Kunsill Governattiv għall-mandat tiegħu għall-istabbiltà tal-prezzijiet, il-Kunsill Governattiv ħa aktar passi ewlenin biex jiżgura li l-inflazzjoni terġa' lura għall-mira tagħha ta' 2% fuq żmien medju. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli t-tliet rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE b'50 punt bażi u approva l-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni (TPI).

Il-Kunsill Governattiv qies li huwa xieraq li jittieħed l-ewwel pass akbar fit-triq tan-normalizzazzjoni tar-rata tal-politika tiegħu milli kif intqal fil-laqgħa preċedenti tiegħu. Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq il-valutazzjoni aġġornata tal-Kunsill Governattiv tar-riskji tal-inflazzjoni u l-appoġġ imsaħħaħ ipprovdut mit-TPI għat-trażmissjoni effettiva tal-politika monetarja. Din se tappoġġja r-ritorn tal-inflazzjoni għall-mira ta’ żmien medju tal-Kunsill Governattiv billi ssaħħaħ l-ankraġġ tal-aspettattivi tal-inflazzjoni u billi tiżgura li l-kundizzjonijiet tad-domanda jaġġustaw ruħhom biex iwettaq il-mira tal-inflazzjoni tiegħu fuq terminu medju.

Fil-laqgħat li ġejjin tal-Kunsill Governattiv, se tkun xierqa aktar normalizzazzjoni tar-rati tal-imgħax. It-tnedija minn qabel tal-lum tal-ħruġ mir-rati tal-imgħax negattivi jippermetti lill-Kunsill Governattiv jagħmel tranżizzjoni għal approċċ laqgħa b'laqgħa għad-deċiżjonijiet fuq ir-rati tal-imgħax. It-triq futura tar-rata ta’ politika tal-Kunsill Governattiv se tkompli tkun dipendenti fuq id-data u se tgħin biex tilħaq il-mira ta’ inflazzjoni ta’ 2 % tagħha fuq żmien medju. Fil-kuntest tan-normalizzazzjoni tal-politika tiegħu, il-Kunsill Governattiv se jevalwa l-għażliet għar-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ likwidità żejda.

Il-Kunsill Governattiv ivvaluta li l-istabbiliment tat-TPI huwa meħtieġ biex jappoġġja t-trażmissjoni effettiva tal-politika monetarja. B'mod partikolari, hekk kif il-Kunsill Governattiv ikompli jinnormalizza l-politika monetarja, it-TPI se jiżgura li l-pożizzjoni tal-politika monetarja tiġi trażmessa bla xkiel fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. L-uniċità tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv hija prekundizzjoni biex il-BĊE jkun jista’ jwettaq il-mandat tiegħu ta’ stabbiltà tal-prezzijiet.

It-TPI se jkun żieda mas-sett ta’ għodod tal-Kunsill Governattiv u jista’ jiġi attivat biex jiġġieled id-dinamika tas-suq mhux ġustifikata, diżordinata li toħloq theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro kollha. L-iskala tax-xiri tat-TPI tiddependi fuq is-severità tar-riskji li tiffaċċja t-trażmissjoni politika. Ix-xiri mhux ristrett ex ante. Billi jissalvagwardja l-mekkaniżmu ta' trażmissjoni, it-TPI se jippermetti lill-Kunsill Governattiv iwettaq b'mod aktar effettiv il-mandat tiegħu ta' stabbiltà tal-prezzijiet.

Fi kwalunkwe każ, il-flessibbiltà fl-investimenti mill-ġdid ta’ fidi li jmiss fil-portafoll tal-programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP) tibqa’ l-ewwel linja ta’ difiża biex jiġu missielta r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni relatat mal-pandemija.

Id-dettalji tat-TPI huma deskritti fi stqarrija għall-istampa separata li għandha tiġi ppubblikata fit-15:45 CET.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax b’50 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tas-self marġinali u fuq il-faċilità tad-depożitu se jiżdiedu għal 0.50%, 0.75% u 0.00% rispettivament, b’effett mis-27 ta’ Lulju 2022.

Fil-laqgħat li ġejjin tal-Kunsill Governattiv, se tkun xierqa aktar normalizzazzjoni tar-rati tal-imgħax. It-tnedija minn qabel tal-lum tal-ħruġ mir-rati tal-imgħax negattivi jippermetti lill-Kunsill Governattiv jagħmel tranżizzjoni għal approċċ laqgħa b'laqgħa għad-deċiżjonijiet fuq ir-rati tal-imgħax. It-triq futura tar-rata ta’ politika tal-Kunsill Governattiv se tibqa’ tkun dipendenti fuq id-data u se tgħin biex tilħaq il-mira tiegħu ta’ inflazzjoni ta’ 2 % fuq terminu medju.

Il-programm ta' xiri ta' assi (APP) u il-programm ta' xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)

Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jibqa’ jinvesti mill-ġdid, kollha kemm huma, il-pagamenti ewlenin minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta' żmien lil hinn mid-data meta jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta' likwidità suffiċjenti u pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa.

Fir-rigward tal-PEPP, il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-programm sa mill-anqas l-aħħar tal-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

It-tifdijiet li ġejjin minħabba l-portafoll tal-PEPP qed jiġu investiti mill-ġdid b’mod flessibbli, bil-għan li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni relatat mal-pandemija.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Il-Kunsill Governattiv se jkompli jimmonitorja l-kundizzjonijiet tal-finanzjament bankarju u jiżgura li l-maturazzjoni tal-operazzjonijiet taħt it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal immirati (TLTRO III) ma ttellifx it-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja tiegħu. Il-Kunsill Governattiv se jivvaluta wkoll regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirat qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.

***

Il-Kunsill Governattivi huwa lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fil-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tiegħu ta’ 2% fuq żmien medju. It-TPI il-ġdid tal-Kunsill Governattiv se jissalvagwardja t-trażmissjoni bla xkiel tal-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu fiż-żona tal-euro kollha.

Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:45 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja