Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Jannar – Frar 2023

24 ta’ Frar 2023

Il-politika monetarja

Modalitajiet iddettaljati għat-tnaqqis tal-investimenti fil-programm ta’ xiri ta’ assi (APP)

Fit-2 ta’ Frar 2023 il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar il-modalitajiet iddettaljati għat-tnaqqis l-investimenti tal-Eurosistema f’titoli taħt l-APP permezz tal-investiment mill-ġdid parzjali tal-pagamenti prinċipali mit-titoli li jimmaturaw. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit web tal-BĊE.

Operazzjonijiet tas-suq

Emendi tal-qafas għall-kontroll tar-riskji fl-operazzjonijiet ta’ kreditu kollateralizzat

Fis-16 ta’ Mejju 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-atti legali li ġejjin wara r-rieżami tal-2022 tal-qafas tal-BĊE għall-kontroll tar-riskji għall-operazzjonijiet ta’ kreditu kollateralizzat:

  • Linja Gwida BĊE/2022/48 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2015/510 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema
  • Linja Gwida BĊE/2022/49 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2016/65 dwar il-haircuts fil-valutazzjoni applikati fl-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema;
  • Linja Gwida BĊE/2022/50 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/31 dwar miżuri temporanji addizzjonali relatati mal-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral.

Il-miżuri adottati jtejbu l-konsistenza ġenerali tal-qafas għall-kontroll tar-riskji u se jkunu applikabbli mid-29 ta’ Ġunju 2023. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit web tal-BĊE.

Estensjoni tas-servizzi tal-aġenti fiskali NextGenerationEU (NGEU) għal assistenza finanzjarja għall-Ukraina

Fis-16 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-atti legali li ġejjin biex jestendi s-servizzi tal-aġenti fiskali relatati mal-NGEU pprovduti mill-BĊE lill-Kummissjoni Ewropea biex ikopru wkoll il-programm tal-Assistenza Finanzjarja Makro plus (MFA+) għall-Ukraina:

  • Deċiżjoni BĊE/2022/47 li temenda id-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti u d-Deċiżjoni (UE) 2022/1521 dwar aġġustamenti temporanji għar-remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma ma’ banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew.

Din il-bidla fil-qafas legali tal-BĊE saret wara talba tal-Kummissjoni Ewropea biex jippermetti li jiġi pprovdut finanzjament lill-Ukraina fuq bażi strutturata u prevedibbli tul-is-sena 2023 kollha.

Reviżjoni tal-Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti (ANFA)

Fid-19 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv approva emendi għall-ANFA maħsuba biex iżidu l-effiċjenza tal-proċessi relatati waqt li jħallu s-sustanza tal-ftehim fil-biċċa l-kbira l-istess. Il-ftehim rivedut hu disponibbli fl-EUR-Lex.

Eliġibbiltà ta’ strumenti tad-dejn maħruġa abbażi tad-DG Bank-Umwandlungsgesetz

Fid-29 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jneħħi, b’seħħ mit-28 ta’ Frar 2023, l-strumenti tad-dejn maħruġa abbażi tad-DG Bank-Umwandlungsgesetz mil-lista tal-assi eliġibbli. Dawn l-istrumenti ma jikkwalifikawx bħala bonds leġislattivi koperti taż-Żona Ekonomika Ewropea kif definiti fid-Dokumentazzjoni Ġenerali (Artkolu 2 (24a)) u, għalhekk, mill-1 ta’ Marzu 2023, ma jistgħux jibqgħu jintużaw bħala kollateral. It-tneħħija gradwali ġiet ikkomunikata permezz tas-sezzjoni tal-Kollateral/Assi negozjabbli tas-sit web tal-BĊE wara deċiżjoni tal- Kunsill Governattiv, biex jipprovdi lill-kontropartijiet li kienu qed jużaw l-istrumenti bħala kollateral żmien biżżejjed biex jissostitwixxuhom.

Aġġustamenti għar-remunerazzjoni ta' ċerti depożiti mhux tal-politika monetarja

Fis-6 ta’ Frar 2023 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jaġġusta l-limitu massimu għar-remunerazzjoni tad-depożiti tal-gvern miżmuma mal-Eurosistema biex jipprovdi inċentivi favur it-tnaqqis gradwali u ordinat ta’ dawn l-investimenti, u b'hekk jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq u tiġi żgurata t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Din id-deċiżjoni, applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2023, tbiddel ukoll ir-remunerazzjoni tad-depożiti miżmuma taħt il-qafas tas-servizzi tal-ġestjoni tar-riżervi tal-Eurosistema. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit web tal-BĊE.

Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja

Stqarrija dwar metodoloġija floor riveduta għall-valutazzjoni ta’ bafers tal-kapital għal istituzzjonijiet sistemikament importanti oħra (O-SIIs)

Fil-21 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-metodoloġija floor riveduta għall-valutazzjoni ta’ bafers tal-kapital O-SII proposti mill-awtoritajiet nazzjonali, u approva l-istqarrija pubblika relatata dwar il-politika makroprudenzjali.

Opinjonijiet fuq il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ konverġenza tal-BĊE dwar l-indipendenza tal-banek ċentrali

Fil-21 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/45 wara talba minn Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru), f’isem il-Ministru tal-Finanzi tal-Bulgarija.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-parteċipazzjoni tal-Italja fir-Resilience and Sustainability Trust tal-Fond Monetarju Internazzjonali

Fit-30 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2022/46 wara talba mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-Italja.

Opinjoni tal-BĊE dwar sistemi ta’ ħlas u saldu

Fis-6 ta’ Jannar 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/1 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Estonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (riformulazzjoni)

Fis-16 ta’ Jannar 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/2 mħejjija b’inizjattiva proprja tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tneħħija gradwali tal-assoċjazzjonijiet tat-tfaddil u tas-self

Fit-2 ta’ Frar 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/3 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Estonja.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 260/2012 u (UE) 2021/1230 fir-rigward ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro

Fil-1 ta' Frar 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/4 wara talbiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar in-nomina tas-Central Bank of Cyprus bħala awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni

Fl-20 ta’ Frar 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/5 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru.]

Governanza korporattiva

Emendi għall-qafas legali relatati mad-dħul ta’ Hrvatska narodna banka fl-Eurosistema

F’Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta l-atti legali li ġejjin biex jirriflettu l-bidla fil-kapaċità ta’ Hrvatska narodna banka minn bank ċentrali barra żona tal-euro għal bank ċentrali taż-żona tal-euro, bħala konsegwenza tar-revoka, mill-1 ta’ Jannar 2023, tad-deroga tar-Repubblika tal-Kroazja:

  • Deċiżjoni BĊE/2022/46 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/29 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro;
  • Deċiżjoni BĊE/2022/51 dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin u kontribuzzjonjiet minn Hrvatska narodna banka lir-riżervi u l-provvedimenti tal-Bank Ċentrali Ewropew
  • il-Ftehim tat-30 ta’ Diċembru 2022 bejn Hrvatska narodna banka u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-klejm ikkreditat lil Hrvatska narodna banka mill-Bank Ċentrali Ewropew taħt l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

F’Diċembru 2022 il-Kunsill Ġenerali approva l-Ftehim li jemenda l- Ftehim tal-Banek Ċentrali ERM II fid-dawl tar-revoka, mill-1 ta’ Jannar 2023, tad-deroga tar-Repubblika tal-Kroazja.

Implimentazzjoni tas-sistema ta’ rotazzjonie tad-drittijiet tal-vot fil-Kunsill Governattiv fid-dwl tas-sħubija ta’ Hrvatska narodna banka fl-Eurosistema

F’Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-rieżami tas-sistema ta’ rotazzjoni tad-drittijiet tal-vot fil-Kunsill Governattiv bħala riżultat tas-sħubija ta’ Hrvatska narodna banka fl-Eurosistema u l-parteċipazzjoni tiegħu fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-kalendarju aġġornat tar-rotazzjoni tad-drittijiet tal-vot għall-2023 u l-2024 hu disponibbli fis-sit web tal-BĊE.

President ġdid tal-Kumitat tal-Etika tal-BĊE

Fl-10 ta’ Jannar 2023 il-Kunsill Governattiv ġie infurmat li l-Kumitat tal-Etika kien għażel lil Erkki Liikanen bħala l-president il-ġdid tiegħu. Is-Sur Liikanen kien se jissostitwixxi lil Patrick Honohan, li l-mandat tiegħu ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2022.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali tal-Irlanda

Fil-15 ta’ Frar 2023 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2023/1 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali tal-Irlanda.

Ħatra ta' membru tal-Bord Amministrattiv ta' Reviżjoni (ABoR)

Fit-22 ta’ Frar 2023 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sinjura Christiane Campill bħala membru tal-ABoR minn Marzu 2023.

Kontijiet Annwali tal-BĊE għall-2022

Fit-22 ta’ Frar 2023 il-Kunsill Governattiv approva r-rapporti finanzjarji vverifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2022. Il-kontijiet annwali, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ġew ppubblikati fis-sit web tal-BĊE fit-23 ta’ Frar 2023.

Statistika

Pubblikazzjoni tal-indikaturi statistiċi l-ġodda relatati mal-klima

Fl-24 ta’ Jannar 2023 il-BĊE ħabbar il-pubblikazzjoni tal-ewwel sett ta’ indikaturi statistiċi relatati mal-klima, bil-ħsieb li ssir valutazzjoni aħjar tal-impatt tar-riskji relatati mal-klima fuq is-settur finanzjarju u jiġi monitorat l-iżvilupp ta’ finanzi sostenibbli u ekoloġiċi. Il-ħruġ ta' dawn l-indikaturi jwettaq pass ieħor lejn it-twettiq tal-impenji tal-BĊE inklużi fil-pjan ta' azzjoni tiegħu dwar il-klima. L-istqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fis-sit web tal-BĊE.

Karti tal-flus u muniti

Deċiżjoni dwar emendament relatat mal-volum tal-ħruġ ta’ muniti fl-2022

Fit-13 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill Governattiv adotta Deċiżjoni BĊE/2022/45 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2021/2255 dwar l-approvazzjoni tal-volum tal-ħruġ ta’ muniti fl-2022. Il-volum tal-ħruġ tal-muniti fl-2022 kellu jiġi emendat bi tweġiba għal talba li waslet għal approvazzjoni ad hoc ta’ volum addizzjonali.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Memorandum ta’ Qbil Superviżorju (MtQ) bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE mhux parteċipanti

Fid-29 ta’ Diċembru 2022 il-BĊE ffinalizza MtQ dwar il-kooperazzjoni superviżorja bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti tas-sitt Stati Membri li mhumiex parti mis-superviżjoni bankarja Ewropea. L-MtQ hu maħsub biex ikompli jtejjeb il-kooperazzjoni superviżorja fil-livell tal-UE billi jipprovdi qafas għar-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Isvezja għall-iskambju regolari ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet superviżorji li jikkonċernaw lill-istituzzjonijiet taħt superviżjoni transkonfinali, kif ukoll dwar metodoloġiji, approċċi u prijoritajiet superviżorji. Stqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fis-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Konformità mal-Linji Gwida emendatorji tal-EBA dwar l-ispeċifikazzjoni u l-iżvelar ta’ indikaturi ta’ importanza sistemika

Fl-10 ta’ Jannar 2023 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE jikkonforma mal-Linji Gwida emendatorji tal-EBA dwar l-ispeċifikazzjoni u d-divulgazzjoni tal-indikaturi ta’ importanza sistemika (EBA/GL/2022/12).

Riżultati tal-Proċess ta’ Reviżjoni u Evalwazzjoni Superviżorja (SREP) għall-2022

Fit-12 ta’ Jannar 2023 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika r-riżultati tas-SREP tiegħu għall-2022. Ir-rapport u l-istqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Konformità mal-Linji Gwida tal-EBA dwar id-divulgazzjoni ta' skoperturi mhux produttivi u mrażżna

Fit-13 ta’ Jannar 2023 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE jikkonforma mal-Linji Gwida ta’ emenda tal-EBA dwar id-divulgazzjoni ta' skoperturi mhux produttivi u mrażżna (EBA/GL/2022/13).

Test tal-istress tal-2023

Fil-31 ta’ Jannar 2023 il-BĊE ppubblika informazzjoni dwar it-test tal-istress tal-2023 li se jwettaq flimkien mal-Awtorità Bankarja Ewropea. L-istqarrija għall-istampa relatata tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja