- IL-BLOG TAL-BĊE
- 9 ta' April 2020
Kif il-BĊE qed jgħin lill-impriżi u lid-djar
Blog post ta’ Christine Lagarde, President tal-BĊE
Madwar id-dinja, l-awtoritajiet pubbliċi qegħdin jimmobilizzaw għall-ġlieda kontra l-koronavirus. Il-COVID-19 jirrappreżenta forma ġdida ta’ xokk li ma tistax tiġi ttrattata bl-użu ta’ kotba tal-passat. Għandna bżonn politiki mmirati lejn dawk l-iktar esposti għal din il-kriżi. Għandna bżonn politiki mmirati lejn dawk l-iktar esposti għal din il-kriżi.
Illum, dawn huma l-impriżi u l-familji li qed jiffaċċjaw telf qawwi ta’ dħul u ansjetà li qed tiżdied dwar il-futur. Il-politiki tal-BĊE huma mfassla b’mod preċiż biex jilħqu dawn in-nies. Fi ħdan i-mandat tagħna, aħna kkalibrajna l-miżuri tagħna sabiex il-likwidità tgħaddi għand iċ-ċittadini u s-setturi l-iktar li għandhom bżonn l-appoġġ.
Biex nifhmu kif qed jaħdmu l-miżuri tagħna, għandna bżonn nidentifikaw għaliex din il-kriżi hija speċjali. L-oriġini tagħha mhix bħal dawk ta’ kriżi finanzjarja jew ta’ riċessjoni konvenzjonali. It-tnaqqis kbir fl-attività ekonomika hija konsegwenza tad-deċiżjoni meħtieġa biex in-nies jintalbu jibqgħu d-dar. Dan joħloq imperattiv biex jipprevjeni li l-impriżi jfallu u li l-impjegati jitilfu l-impjieg minħabba kriżi temporanja li ma għandhom l-ebda ħtija għaliha.
L-impjegati huma aktar f’riskju llum milli fi kwalunkwe żmien mis-snin tletin. Pereżempju, fl-2009 talbiet ġodda għall-qgħad fl-Istati Uniti laħqu l-ogħla livell ta’ 665,000 f’ġimgħa waħda. Fl-aħħar ġimagħtejn dawn it-talbiet żdiedu, l-ewwel, għal 3.3 miljun u mbagħad għal 6.6 miljun. Filwaqt li fl-Ewropa l-qgħad tipikament hu iktar kajman u inqas volatili, diġà qed naraw sinjali inkwetanti: l-Indiċi tal-Managers tal-Akkwisti għax-xogħol rreġistra waqgħa rekord f’Marzu.
Biex tiġi evitata ħsara dejjiema, neħtieġu li “nwettqu l-ekonomija stabbilita” billi nżommuha l-iktar viċin possibbli għall-istat tagħha ta’ qabel it-tifqigħa. Għodod differenti jistgħu jintużaw biex jintlaħaq dan il-għan. Waħda hi li jiġu introdotti skemi tal-gvern li jappoġġjaw ix-xogħol matul medda qasira ta’ żmien. Oħra hija li tiġi mobilizzata s-sistema bankarja biex tipprovdi lill-impriżi b’kapital għax-xogħol biex jibqgħu jitħallsu l-persunal u l-kontijiet. Peress li ż-żona tal-euro hija ekonomija bbażata fuq il-banek, l-iffaċilitar tal-fluss ta’ kreditu jgħin biex tinġieb malajr il-likwidità fix-xquq kollha tal-ekonomija.
Il-gvernijiet u l-banek ċentrali qegħdin jieħdu azzjonijiet komplementari biex ipoġġu l-banek f’pożizzjoni li jagħmlu dan. Il-gvernijiet qed jipprovdu garanziji ta’ self li jnaqqsu r-riskju tal-kreditu tal-banek: madwar 16% tal-PDG diġà ġie impenjat għal skemi bħal dawn fiż-żona tal-euro. U l-BĊE qed jipprovdi likwidità biżżejjed biex ineħħi r-riskju tal-likwidità tal-banek, filwaqt li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament jibqgħu ta’ appoġġ għall-ekonomija iktar wiesgħa.
Aħna introduċejna żewġ tipi ta’ miżuri biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
L-ewwel nett, miżuri mmirati fuq skala massiva biex jiġi żgurat li l-likwidità tgħaddi għand dawk li l-aktar għandhom bżonnha. Il-faċilità ta’ self immirata ġdida tagħna tipprovdi madwar €3 triljun f'likwidità lill-banek b’rata negattiva, li tista’ tkun baxxa sa -0.75%, l-inqas rata li qatt offrejna. Nafu mill-esperjenza tal-passat li tali miżuri jistgħu jkunu qawwija. Aħna nistmaw li ż-żewġ okkażjonijiet preċedenti ta’ operazzjonijiet immirati bħal dawn inkoraġġew lill-banek biex isellfu madwar €125 biljun aktar milli kieku kienu jagħtu kieku dawn il-faċilitajiet ma kinux stabbiliti.
Sabiex niżguraw li l-banek jagħmlu użu sħiħ minn din il-faċilità l-ġdida, introduċejna wkoll pakkett immirat ta’ faċilitazzjoni tal-kollateral, b’attenzjoni speċjali fuq negozji iżgħar, dawk li jaħdmu għal rashom u individwi privati. Self lil kumpanniji u dawk li jaħdmu għal rashom li jibbenefikaw minn skemi ta’ garanziji relatati mal-koronavirus jistgħu jiġu aċċettati mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema bħala kollateral fl-operazzjonijiet ta’ self tagħna, inkluż self iżgħar.
Dawn il-miżuri ser jinkoraġġixxu lill-banek biex jestendu self lil mikroimpriżi u lil negozjanti waħedhom – li tipikament għandhom inqas aċċess għall-kreditu – u biex jiġu ffinanzjati mill-ġdid billi jissellfu mingħandna għal tliet snin b’rati ta’ imgħax negattivi. Fiż-żona tal-euro, madwar 22 miljun persuna jaħdmu għal rashom u jirrappreżentaw 14% tal-impjiegi totali. Allura dawn il-miżuri ser jiffaċilitaw aċċess għall-kreditu għal parti akbar mill-ħaddiema tagħna.
It-tieni nett, qed nixtru bonds tas-settur pubbliku u privat f’volum kbir biex niżguraw li s-setturi kollha tal-ekonomija jistgħu jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ finanzjament faċli. Il-programm tagħna ta’ xiri fl-emerġenza pandemika, flimkien mal-programmi l-oħra tagħna ta’ xiri ta’ assi, jippermetti li nixtru aktar minn €1 triljun ta’ bonds sa tmiem din is-sena. U, fi ħdan dan il-programm, nistgħu niffukaw b’mod flessibbli fuq ix-xiri tagħna fil-klassijiet kollha ta’ assi u fost il-ġurisdizzjonijiet. Estendejna wkoll ix-xiri tal-assi tagħna lill-karta kummerċjali, li hija sors importanti ta’ likwidità għall-impriżi. Dan jipprovdilhom appoġġ addizzjonali biex jimmaniġjaw il-flussi tal-kontanti ta’ kuljum tagħhom u jiġu evitati sensji bla bżonn.
Kollettivament, dawn l-azzjonijiet juru li mhux se nittolleraw issikkar proċikliku tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament fost waħda mill-ikbar katakliżmi makroekonomiċi taż-żminijiet moderni. Imma t-tweġiba tagħna se ssir iktar qawwija jekk il-politiki kollha jsaħħu lil xulxin. Huwa vitali li r-rispons fiskali għal din il-kriżi jsir b’forza suffiċjenti fil-partijiet kollha taż-żona tal-euro. Il-gvernijiet għandhom bżonn jappoġġjaw lil xulxin, sabiex ikunu jistgħu jwettqu flimkien l-aqwa rispons tal-politika kontra xokk komuni li għalih ħadd mhu responsabbli.
Allinjament sħiħ tal-politiki fiskali u monetarji – u kundizzjonijiet ekwi kontra l-virus – huwa l-aħjar mod biex nipproteġu l-kapaċità produttiva u l-impjiegi tagħna, li jippermettilna li nerġgħu lura għat-tkabbir u r-rati ta’ inflazzjoni sostenibbli ladarba t-tifqigħa tal-koronavirus tgħaddi. Jekk ma jitfejqux il-pajjiżi kollha, l-oħrajn se jsofru. Is-solidarjetà hija fil-fatt interess personali. Il-BĊE ser ikompli jagħmel il-parti tiegħu billi jwassal il-mandat tiegħu ta’ stabbiltà tal-prezzijiet u jservi lill-poplu Ewropew.