Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

6 ta' Ġunju 2024

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Abbażi ta’ valutazzjoni aġġornata tal-prospetti dwar l-inflazzjoni, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti u l-qawwa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja, issa huwa xieraq li jiġi mmoderat il-grad tar-restrizzjoni tal-politika monetarja wara disa’ xhur fejn ir-rati nżammew stabbli. Sa mil-laqgħa tal-Kunsill Governattiv f’Settembru 2023, l-inflazzjoni naqset b’aktar minn 2.5 punt perċentwali u l-prospetti dwar l-inflazzjoni tjiebu b’mod notevoli. L-inflazzjoni sottostanti battiet ukoll, biex b’hekk issaħħew is-sinjali li l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet iddgħajfu, u l-aspettattivi tal-inflazzjoni naqsu fuq kull orizzont. Il-politika monetarja żammet il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament restrittivi. Billi naqqset id-domanda u żammet l-aspettattivi tal-inflazzjoni ankrati sew, din tat kontribut ewlieni biex l-inflazzjoni terġa’ titniżżel.

Fl-istess ħin, minkejja l-progress li sar fit-trimestri riċenti, il-pressjonijiet tal-prezzijiet domestiċi jibqgħu b’saħħithom hekk kif iż-żieda fil-pagi hija elevata, u l-inflazzjoni aktarx li tibqa’ ‘l fuq mill-mira għal żmien twil fis-sena d-dieħla. L-aħħar projezzjonijiet tal-persunal tal-Eurosistema kemm għall-inflazzjoni globali kif ukoll għal dik prinċipali ġew riveduti ‘l fuq għall-2024 u l-2025 meta mqabbla mal-projezzjonijiet ta’ Marzu. Il-persunal issa jaraw li l-inflazzjoni globali se tilħaq medja ta’ 2.5% fl-2024, 2.2% fl-2025 u 1.9% fl-2026. Għall-inflazzjoni li teskludi l-enerġija u l-ikel, il-persunal ibassar medja ta’ 2.8% fl-2024, 2.2% fl-2025 u 2.0% fl-2026. It-tkabbir ekonomiku huwa mistenni li jirpilja għal 0.9% fl-2024, 1.4% fl-2025 u 1.6% fl-2026.

Il-Kunsill Governattiv huwa ddeterminat li jiżgura li l-inflazzjoni tirritorna għall-mira tiegħu ta’ 2% fuq żmien medju b’mod f’waqtu. Se jżomm ir-rati tal-politika restrittivi biżżejjed għal kemm ikun meħtieġ sabiex tinkiseb din il-mira. Il-Kunsill Governattiv se jkompli jsegwi approċċ dipendenti mid-data u fuq bażi ta’ laqgħa b’laqgħa sabiex jiddetermina l-livell xieraq u t-tul taż-żmien tat-restrizzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tiegħu dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li ġejja, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv mhuwiex qiegħed jintrabat minn qabel dwar xi trajettorja partikolari għar-rati.

Il-Kunsill Governattiv illum ikkonferma wkoll li se jnaqqas l-investimenti tal-Eurosistema f’titoli taħt il-programm ta' xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP) b’€7.5 biljun fix-xahar bħala medja matul it-tieni nofs tas-sena. Il-modalitajiet għat-tnaqqis tal-investimenti fil-PEPP se jkunu ġeneralment allinjati ma’ dawk segwiti taħt il-programm ta xiri ta assi (APP).

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tas-self marġinali u fuq il-faċilità tad-depożitu se jitnaqqsu għal 4.25%, 4.5% u 3.75% rispettivament, b'seħħ mit-12 ta' Ġunju 2024.

Programm ta' xiri ta' assi (APP) u programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)

Il-portafoll tal-APP qiegħed jonqos b’ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema ma għadhiex tinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet ta’ kapital mit-titoli li jimmaturaw.

Il-Kunsill Governattiv se jkompli jinvesti mill-ġdid, bis-sħiħ, il-ħlasijiet ta’ kapital minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sat-tmiem ta’ Ġunju 2024. Matul it-tieni nofs tas-sena, se jnaqqas il-portafoll tal-PEPP b’€7.5 biljun fix-xahar bħala medja. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt il-PEPP fit-tmiem tal-2024.

Il-Kunsill Governattiv se jkompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li jsiru dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-għan li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika relatati mal-pandemija.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Hekk kif il-banek qegħdin iħallsu lura l-ammonti li sselfu taħt l-operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament għal żmien itwal, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ għoti ta’ self immirat u l-ħlas lura tagħhom li jinsab għaddej qegħdin jikkontribwixxu għall-polżizzjoni tiegħu dwar il-politika monetarja.

***

Il-Kunsill Governattiv jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti tiegħu kollha fi ħdan il-mandat tiegħu sabiex jiġi żgurat li l-inflazzjoni tmur lura għall-mira tiegħu ta’ 2% fuq żmien medju u sabiex jiġi ppreżervat il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex jiġu miġġielda dinamiċi tas-suq mhux ġustifikati u diżordinati li joħolqu theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja bejn il-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, biex b’hekk il-Kunsill Governattiv ikun jista’ jwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal- prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fit-14:45 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja