- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Rapporti finanzjarji tal-BĊE għall-2020
18 ta’ Frar 2021
- Il-profitt tal-BĊE ammonta għal €1.6 biljun (2019: €2.4 biljun) u tqassam kollu lill-banek ċentrali nazzjonali
- Dħul nett mill-imgħax fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja: €1.3 biljun (2019: €1.4 biljun)
- Il-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE żdiedet għal €569 biljun (2019: €457 biljun)
Ir-rapporti finanzjarji awditjati tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-2020 juru li l-profitt għas-sena kien ta’ €1,643 miljun (2019: €2,366 miljun). It-tnaqqis ta’ €722 miljun meta mqabbel mas-sena ta' qabel kien prinċipalment dovut għal anqas dħul nett ta’ imgħax nett fuq assi ta’ riżerva barranija u fuq titoli miżmuma għal skopijiet ta’ politika monetarja. Wara deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv, kien hemm ukoll trasferiment ta’ €48 miljun għall-provvediment tal-BĊE għal riskji finanzjarji, li naqqas il-profitt tal-BĊE b’ammont ekwivalenti.
Id-dħul nett mill-imgħax kien ta’ €2,017 miljun fl-2020 (2019: €2,686 miljun). Id-dħul nett mill-imgħax fuq l-assi f’riżervi barranin naqas għal €474 miljun (2019: €1,052 miljun) minħabba tnaqqis fid-dħul mill-imgħax iġġenerat mill-portafoll tad-dollaru Amerikan. Id-dħul nett mill-imgħax li jirriżulta minn titoli miżmuma għall-finijiet tal-politika monetarja naqas għal €1,337 miljun (2019: € 1,447 miljun), l-aktar minħabba dħul ta’ imgħax aktar baxx fuq il-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP) bħala riżultat ta’ fidi.
Il-qligħ realizzat mill-operazzjonijiet finanzjarji naqas għal €342 miljun (2019: €197 miljun). Iż-żieda kienet prinċipalment dovuta għal qligħ ogħla fil-prezz fuq bejgħ ta’ titoli denominati f’dollari Amerikani, minħabba li t-tnaqqis fir-rendiment tal-bonds f’dollari Amerikani fl-2020 kellu impatt pożittiv fuq il-valur tas-suq tagħhom.
Il-valutazzjoni negattiva kienet ta’ €26 miljun (2019: €20 miljun), li tirriżulta l-aktar minn telf tal-prezz mhux realizzat fuq titoli miżmuma fil-portafoll tad-dollaru Amerikan u telf mir-rata tal-kambju mhux realizzat li jirriżulta mill-investiment fir-renminbi Ċiniż.
Isiru testijiet tal-indeboliment fuq it-tioli miżmuma mill-BĊE fil-portafolli tiegħu tal-politika monetarja, li jiġu vvalutati b'kost amortizzat (suġġetti għal indeboliment). Abbażi tar-riżultati ta' dawn it-testijiet, ma ġie reġistrat ebda telf minn indeboliment għal dawn il-portafolli.
L-ispejjeż totali tal-persunal żdied b’€646 miljun (2019: €566 miljun) bħala riżultat tan-numru medju ogħla tal-persunal fl-2020, prinċipalment fis-superviżjoni bankarja, u spejjeż ogħla b’rabta ma’ benefiċċji oħra ta’ wara l-impjieg li jirriżultaw mill-valutazzjoni attwarja fl-aħħar tal-2020. Spejjeż amministrattivi oħra naqsu għal €553 miljun (2019: €590 miljun), l-aktar minħabba tnaqqis fl-ispejjeż relatati mal-appoġġ ta’ konsulenza esterna u vvjaġġar fuq xogħol.
Dħul mit-tariffi superviżorji, derivat minn tariffi mitluba biex jirkupraw spejjeż magħmula mill-BĊE waqt il-qadi tal-kompiti superviżorji tiegħu, ammonta għal €535 miljun (2019: €537 miljun). It-tnaqqis żgħir fl-2020 kien immexxi minn spejjeż amministrattivi aktar baxxi fir-rigward tal-kompiti superviżorji, li aktar milli kkumpensaw għall-ispejjeż ogħla tal-persunal bħala riżultat tan-numru medju ogħla ta’ persunal li jaħdem fis-superviżjoni bankarja.
Il-profitt tal-BĊE jitqassam lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (BĊN). Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jqassam profitt interim ta’ €1,260 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fid-29 ta’ Jannar 2021. Fil-laqgħa tal-bieraħ, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jqassam il-bqija tal-profitt, li jammonta għal €383 miljun, fid-19 ta’ Frar 2021.
Id-daqs totali tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE żdied bi €112 biljun għal €569 biljun (2019: €457 biljun). Din iż-żieda kienet dovuta l-aktar għat-titoli mixtrija taħt il-programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP) u l-programm ta’ xiri ta’ assi (APP).
Fl-aħħar tal-2020 id-daqs tal-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema, li tinkludi assi u obbligazzjonijiet tal-BĊN taż-żona tal-euro u tal-BĊE fil-konfront ta’ terzi, kien ta’ €6,979 biljun (2019: €4,671 biljun). It-tkabbir imqabbel mas-sena ta’ qabel kien dovut prinċipalment għaż-żieda fl-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema, bħala riżultat tat-tielet serje ta’ operazzjonijiet mmirati ta' rifinanzjament għal żmien itwal (TLTRO III), u t-titoli mixtrija taħt il-PEPP u l-APP.
L-investimenti tal-Eurosistema f’titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja żdiedu b’€1,063 biljun għal €3,695 biljun (2019: €2,632 biljun). L-ishma tal-APP żdiedu b’€330 biljun għal €2,909 biljun u x-xiri tal-PEPP ammonta għal €754 biljun.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil William Lelieveldt, tel.: +496913447316.
Noti:
- In-numri jistgħu ma jaqblux minħabba t-tqarrib sal-eqreb euro.
- Aktar dettalji dwar il-kontabilità finanzjarja u l-politiki ta’ rappurtar tal-BĊE u l-Eurosistema u dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE jistgħu jinstabu fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/35) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 1) u l-Linja Gwida (UE) 2016/2249 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Novembru 2016 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rapportar finanzjarju fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (BĊE/2016/34) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 37) u fis-sit web tal-BĊE.
- Tqassim tal-ishma SMP totali tal-Eurosistema skont il-pajjiż emittent huwa ppubblikat fuq is-sit web tal-BĊE taħt Programmi tax-xiri tal-Assi .
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja