Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Mejju 2025

16 ta' Mejju 2025

Operazzjonijiet tas-suq

Reviżjoni annwali tal-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettabbli u l-lista ta’ aġenziji rikonoxxuti fil-qafas kollaterali tal-Eurosistema

Fit-22 ta’ April 2025, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, wara r-reviżjoni annwali ta’ dawn il-listi, li ma jagħmilx bidliet fil-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettati mill-BĊE u fil-lista ta’ emittenti rikonoxxuti mill-BĊE bħala aġenziji eliġibbli għall-parteċipazzjoni fil-qafas kollaterali tal-Eurosistema. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jassenja żewġ aġenziji (Caisse des dépôts et consignations u Finnvera PLC) lil kategorija ta’ tnaqqis fil-valur aktar favorevoli wara li nstabu li jikkonformaw mal-kriterji kwantitattivi relevanti. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jikklassifika mill-ġdid lil LfA Förderbank Bayern mill-kategorija II tat-tnaqqis fil-valur għall-kategorija IV tat-tnaqqis fil-valur li hija aktar konservattiva. Il-listi attwali huma disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.

Il-politika makroprudenzjali u l-istabbiltà finanzjarja

Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja – Mejju 2025

Fl-14 ta’ Mejju 2025, il-Kunsill Governattiv kellu skambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro fuq il-bażi tal-edizzjoni ta’ Mejju 2025 tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fuq is-sit web tal-BĊE. Minbarra li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-vulnerabbiltajiet ewlenin tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro, din l-edizzjoni tinkludi tliet karatteristiċi speċjali. L-ewwel waħda tippreżenta żviluppi reċenti fis-swieq tal-crypto u l-interkonnettività li qiegħda tikber bejn l-ekosistema tal-kriptoassi u s-settur finanzjarju tradizzjonali. It-tieni waħda tinvestiga r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro minn tensjonijiet kummerċjali, filwaqt li t-tielet waħda tħares lejn il-kanali li permezz tagħhom it-tixjiħ tal-popolazzjoni tista’ żżid it-tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja fis-setturi finanzjarji u mhux finanzjarji. Ir-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja huwa skedat li jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-BĊE fil-21 ta’ Mejju 2025.

Infrastruttura tas-suq u pagamenti

Implimentazzjoni ta’ qafas rivedut għall-faċilità ta' kreditu tal-kontropartijiet ċentrali f’TARGET

Fit-22 ta’ April 2025 il-Kunsill Governattiv approva l-approċċ ta’ implimentazzjoni ddettaljata għar-reviżjoni tal-qafas applikabbli għal kontropartijiet ċentrali (CCPs) li jaċċessaw faċilità ta’ kreditu relatata mal-kriżi f’TARGET. Il-qafas rivedut, li mhuwiex parti mill-qafas ta’ implimentazzjoni tal-politika monetarja, se jiżgura l-operazzjonalizzazzjoni fil-pront tal-mekkaniżmu ta’ sostenn għal-likwidità għal CCPs eliġibbli taż-żona tal-euro taħt xenarji ta’ kriżi estrema. L-aċċess ikun soġġett għal kundizzjonijiet li jiżguraw li l-faċilità ta’ kreditu tas-CCP tkun tista’ tiġi aċċessata biss minn CCPs taż-żona tal-euro li jkunu sodi finanzjarjament u li jkollhom ġestjoni tar-riskju tal-likwidità soda. Tagħrif iżjed dettaljat huwa pprovdut fi stqarrija għall-istampa relatata li tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Parir dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tar-rekwiżiti għal tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli skont il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett

Fil-2 ta' Mejju 2025 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/9 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew. L-Opinjoni se tiġi ppubblikata meta jasal il-waqt fuq EUR-Lex.

Gwida 2025 għall-konsultazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew minn awtoritajiet nazzjonali dwar abbozzi ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi

Fit-2 ta’ Mejju 2025 il-Kunsill Governattv ħa nota tal-Gwida tal-2025 dwar il-konsultazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet ta’ abbozzi leġiżlattivi. Il-Gwida, li hija maħsuba bħala għodda ta’ referenza għall-awtoritajiet li jikkonsultaw, il-banek ċentrali nazzjonali, il-BĊE u l-pubbliku ġenerali, kienet ġiet ippubblikata oriġinarjament fl-2005, ġiet aġġornata fl-2015, u issa ġiet riveduta aktar biex tirrifletti żviluppi ewlenin li seħħew f’dan l-aħħar deċennju. Dawn l-iżviluppi jinkludu kjarifiki dwar ċerti kwistjonijiet superviżorji prudenzjali, abbażi ta’ aktar minn għaxar snin esperjenza bil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), kif ukoll dwar każijiet ta’ nonkonformità indikati fir-Rapport Annwali tal-BĊE li kienu jinvolvu ksur ċar u sinifikanti tad-dmir li jiġi kkonsultat il-BĊE. Il-Gwida hija disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposti għal emendi għar-rekwiżiti tar-rappurtaġġ dwar is-sostenibbiltà korporattiva u d-diliġenza dovuta

Fit-8 ta’ Mejju 2025 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/10 mħejjija b’inizjattiva proprja tal-BĊE. L-Opinjoni se tiġi ppubblikata meta jasal il-waqt fuq EUR-Lex.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-reżiljenza ta’ entitajiet kritiċi

Fit-12 ta’ Mejju 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/11 mħejjija b’inizjattiva proprja tal-BĊE. L-Opinjoni se tiġi ppubblikata meta jasal il-waqt fuq EUR-Lex.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Hrvatska narodna banka

Fit-12 ta’ Mejju 2025 il-Kunsill Governattiv adotta ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2025/15 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Hrvatska narodna banka. Ir-Rakkomandazzjoni se tiġi ppubblikata meta jasal il-waqt fuq EUR-Lex.

Statistika

Qafas ta’ rimborż tal-ispejjeż għall-proġett tal-Kompiti Operazzjonali tad-Dizzjunarju ta’ Rappurtar Integrat

Fl-24 ta’ April 2025 il-Kunsill Governattiv approva l-pakkett finanzjarju għall-perjodu minn Mejju 2025 sa Ottubru 2026 għall-fażi ta’ realizzazzjoni tal-proġett ta’ Kompiti Operazzjonali tad-Dizzjunarju ta’ Rapportar Integrat (BIRD) u adotta żewġ deċiżjonijiet tal-BĊE dwar il-kondiviżjoni ta’ kostijiet mal-MSU li jinkludu l-proġett tal-Kompiti Operazzjonali tal-BIRD fil-qafas ta’ rimbors għall-istituzzjonijiet tal-MSU dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ). BIRD huwa servizz ipprovdut mill-funzjoni statistika tas-SEBĊ li jinkludi mudell ta’ data integrat u armonizzat u dizzjunarju tar-rapportar. Huwa maħsub biex itejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità, il-konsistenza u l-preċiżjoni ta’ data statistika u prudenzjali rrapportata mll-banek lill-awtoritajiet. Iż-żewġ atti legali, id-Deċiżjoni BĊE/2025/13 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1981 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti u d-Deċiżjoni BĊE/2025/14 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2022/1982 dwar l-użu tas-servizzi tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali mill-awtoritajiet kompetenti u mill-awtoritajiet li jikkooperaw (BĊE/2022/34), huma disponibbli fuq EUR-Lex.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Penali amministrattivi imposti fuq tliet banek taż-żona tal-euro

Fit-18 ta’ April 2025 il-BĊE ħabbar li kien impona tliet penali amministrattivi, għal ammont totali ta’ €1.24 miljun, kontra AS SEB Pank, AS “SEB banka” u AB SEB bankas (flimkien imsejħa SEB Baltics) talli ma kkonformawx mar-rekwiżiti relatati mal-marġni ta’ konservatiżmu għal uħud mill-mudelli interni tagħhom. Stqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fis-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Rapport annwali tal-2024 dwar l-attivitajiet ta’ sanzjonar tal-MSU

Fit-8 ta’ Mejju 2025 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jippubblika r-Rapport Annwali dwar Attivitajiet ta’ Sanzjonar fl-MSU fl-2024, li jippreżenta statistiċi aggregati għall-MSU kollha bbażati fuq data miġbura u kkompulata bl-użu ta’ kategoriji standardizzati sabiex jiġi żgurat sett armonizzat u kumparabbli ta’ informazzjoni. Ir-rapport juri li l-għadd ta’ proċedmenti u penali żdied b’mod sinifikanti fl-2024 (+19% u +8% rispettivament, meta mqabbla mal-2023). Ir-rapport jinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja