Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
April 2010
Kwistjonijiet operazzjonali
Bidliet fil-qafas għall-kollateral tal-Eurosistema mill-1 ta’ Jannar 2011
Fit-8 ta’ April 2010, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżomm lil hinn mit-tmiem tal-2010, l-istandard minimu tal-kreditu għall-assi negozjabbli u dawk mhux negozjabbli fil-qafas tal-Eurosistema għall-kollateral, fil-livell tal-grad tal-investiment (jiġifieri BBB-/Baa3), minbarra fil-każ ta’ titoli koperti b’assi (ABSs). Barra dan, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li, mill-1 ta’ Jannar 2011, japplika skeda ta’ tnaqqis iggradat fil-valutazzjoni tal-assi stmati fil-firxa bejn BBB+ u BBB (jew ekwivalenti). Din l-iskeda ta’ tnaqqis iggradat se tissostitwixxi t-tnaqqis uniformi miżjud ta’ 5% li qed jiġi applikat bħalissa għal dawn l-assi. Iżjed tagħrif dwar l-iskeda tat-tnaqqis u l-lista tal-istrumenti li mhux se jibqgħu eliġibbli bħala kollateral mill-1 ta’ Jannar 2011, ingħata fi stqarrija għall-istampa ppubblikata fl-istess jum.
Rekwiżiti għal tagħrif dwar il-livelli tas-self għall-ABSs fil-qafas tal-Eurosistema għall-kollateral
Fil-21 ta’ April 2010, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jibda x-xogħol biex jistabbilixxi r-rekwiżiti għal tagħrif dwar kull self individwali għall-ABSs fil-qafas tal-Eurosistema għall-kollateral. Wara li analizza l-kummenti pożittivi waqt il-konsultazzjoni pubblika dwar din il-kwistjoni, liema konsultazzjoni tnidiet fit-23 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-BĊE u s-16-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro għandhom jipproċedu bit-tħejjija biex jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għat-tagħrif dwar il-livelli tas-self. Iżjed tagħrif ingħata fi stqarrija għall-istampa ppubblikata llum.
Sistemi ta’ pagament u l-Infrastruttura tas-suq
Lezzjonijiet li ħarġu mill-kriżi finanzjarja fir-rigward tat-tħaddim tal-infrastrutturi tas-swieq Ewropej
Fil-15 ta’ April 2010, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni ta’ rapport dwar il-lezzjonijiet li ħarġu mill-kriżi finanzjarja fir-rigward tat-tħaddim tal-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji Ewropej. Ir-rapport jiffoka fuq l-isfidi li ffaċċaw dawn l-infrastrutturi u l-istituzzjonijiet finanzjarji parteċipanti waqt il-kriżi finanzjarja. Ix-xogħol ta’ wara fir-rigward tal-konklużjonijiet li ntlaħqu f’dan ir-rapport diġa beda, u qed isir f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u, b’mod partikolari, mal-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport ġie ppubblikat fil-websajt tal-BĊE.
TARGET2-Titoli
Fil-21 ta’ April 2010, il-Kunsill Governattiv qies l-istat tal-progress tal-proġett T2S. Tagħrif dettaljat se jkun disponibbli iżjed ’il quddiem fil-websajt tal-BĊE.
Barra dan, fil-21 ta’ April 2010, il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida dwar it-TARGET2-Titoli (BĊE/2010/2). Il-Linja Gwida se tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar l-introduzzjoni ta’ faċilità għal depożiti ta’ sebat ijiem fil-Latvja
Fit-23 ta’ Frar 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Latvijas Banka (CON/2010/18).
Opinjoni tal-BĊE dwar emenda għall-Liġi dwar id-Danmarks Nationalbank fir-rigward tas-setgħa biex jiġbor tagħrif għall-kumpilazzjoni tal-istatistika
Fid-19 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru Daniż għall-Affarijiet Economiċi u n-Negozju (CON/2010/24).
Opinjoni tal-BĊE dwar l-indipendenza, il-konfidenzjalità u l-projbizzjoni tal-finanzjamant monetarju fil-Bulgarija
Fil-25 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi Bulgaru (CON/2010/25).
Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta’ liġi fir-rigward tal-investiment ta’ kapital tal-Istat f’banek tad-depożitu
Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Finlandiż (CON/2010/26).
Opinjoni tal-BĊE dwar qafas legali ġdid relatat mal-integrità u l-prevenzjoni tal-korruzzjoni kif japplika għall-Banka Slovenije u l-korpi deċiżjonali tiegħu
Fid-29 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja (CON/2010/27).
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemeda r-Regolament (KE) Nru. 479/2009 dwar il-kwalità tad-dejta statistika fil-kuntest tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv.
Fil-31 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (CON/2010/28).
Opinjoni tal-BĊE dwar l-estensjoni ta’ garanziji tal-gvern lill-banek u lil istituzzjonijiet oħra fl-Isvezja
Fis-6 ta’ April 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Svediż (CON/2010/29).
Opinjoni tal-BĊE dwar ir-ristrutturar tas-Central Bank and Financial Services Authority tal-Irlanda
Fis-7 ta’ April 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi Irlandiż (CON/2010/30).
Opinjoni tal-BĊE dwar l-emenda għal-Liġi Ungeriża fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u intrapriżi finanzjarji, li tintroduċi iżjed miżuri għall-istabbilizzazzjoni tas-suq finanzjarju
Fit-13 ta’ April 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Ungeriż (CON/2010/31).
Statistika
Rapporti tal-2009 dwar il-kwalità tal-istatistika
Fid-19 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Governattiv approva l-istima annwali tad-disponibbiltà u l-kwalità ta’ tipi diversi ta’ statistika li jiġu kkompilati mill-Eurosistema abbażi ta’ att legali tal-BĊE. Awtorizza wkoll il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-2009 dwar il-kwalità tal-istatistika fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti u l-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali taż-żona tal-euro, kif ukoll tar-rapport dwar l-istatistika monetarja u finanzjarja. Iż-żewġ rapporti li tħejjew skond il-Qafas tal-BĊE għall-Kwalità tal-Istatistika, ġew ippubblikati fil-websajt tal-BĊE.
Governanza korporattiva
Kriterji supplimentari għall-Kodiċi tal-Etika għall-membri tal-Bord Esekuttiv tal-BĊE
Il-Kunsill Governattiv innota li l-Bord Esekuttiv adotta l-Kriterji Supplimentari għall-Kodiċi tal-Etika, li jissostitwixxu l-Kriterji Supplimentari għall-Kodiċi tal-Etika għall-membri tal-Kunsill Esekuttiv b’seħħ mill-1 ta’ April 2010. Il-Kodiċi Supplimentari l-ġdid se jiġi ppubblikat dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja