Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Christine Lagarde
The President of the European Central Bank
  • IL-BLOG TAL-BĊE

Niftakru fl-Olokawst: hemm bżonn ta’ dan għall-vittmi u għalina nnifisna

27 ta' Jannar 2023

Minn Christine Lagarde, President tal-BĊE

Il-bini ewlieni tal-BĊE fi Frankfurt jinsab f’sit marbut mal-atroċitajiet tal-Olokawst. Fil-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawst, aħna naffermaw li t-tirannija u l-inġustizzja tal-istat qatt m’għandhom jerġgħu jipprevalu. Il-bini tal-unità Ewropea huwa l-pedament ta’ dan l-impenn.

Il-bini ewlieni tal-BĊE fi Frankfurt jokkupa sit storikament sinifikanti. Huwa wieħed mill-eluf ta’ postijiet fil-Ġermanja u madwar l-Ewropa fejn ir-reġim Nażista Ġermaniż ta bidu għall-qtil ta’ miljuni ta’ membri tal-komunità Lhudija u minoritajiet oħra. Infakkru d-deportazzjonijiet u l-qtil sussegwenti b’tifkira, f’kooperazzjoni mal-Belt ta’ Frankfurt u l-Mużew Lhudi tagħha. Illum, fis-27 ta’ Jannar 2023, it-78 anniversarju mil-liberazzjoni tal-kamp ta’ konċentrament u ta’ sterminazzjoni ta’ Auschwitz, qed nikxfu wkoll plakka kommemorattiva fid-daħla tal-bini ewlieni tal-BĊE.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-ibliet il-kbar kollha tal-Ġermanja organizzaw punti ta’ assemblea fejn iċ-ċittadini Lhud nġabru u ġew iddeportati. Fi Frankfurt, dan kien il-“Großmarkthalle”, il-bini tas-suq bl-ingrossa tal-belt, li llum hija parti mill-bini tal-BĊE. Fil-kantini tal-Großmarkthalle, uffiċjali Nazisti umiljaw u serqu aktar minn 10,000 ruħ, nisa, irġiel u tfal Lhud, qabel ma sfurzawhom fuq ferroviji li marru lejn il-ghettos, kampijiet ta’ konċentrament u kampijiet ta’ sterminazzjoni, sabiex jinqatlu. Ftit biss baqgħu ħajjin.

Iddisinjat mill-perit Martin Elsaesser u tlesta fl-1928, il-Großmarkthalle kien bini partikolarment modern, qabel żmienu f’ħafna modi. Magħruf lokalment bħala l-“Gemieskirch” (knisja tal-ħaxix), il-prodotti friski kienu jinbiegħu hawnhekk lill-bejjiegħa bl-imnut. Jinsab fin-nofs taż-żona ta’ Ostend ta’ Frankfurt il-Großmarkthalle għandu konnessjonijiet tat-trasport eċċellenti. Qiegħda nagħmel dan il-punt għaliex dan il-bini kien intgħażel b’attenzjoni. Il-linji ferrovjarji li jwasslu għal Theresienstadt, Łódź, Minsk, Kaunas, Izbica, Raasiku, Majdanek u Sobibór bdew hawn. Total ta’ għaxar trasportazzjonijiet kbar telqu lejn il-kampijiet ta’ konċentrament u ta’ sterminazzjoni minn Frankfurt bejn Ottubru 1941 u Settembru 1942. Sal-15 ta’ Marzu 1945 kien hemm ukoll diversi deportazzjonijiet iżgħar lejn Auschwitz, Buchenwald u Theresienstadt. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn it-trasportazzjonijiet iżgħar bdew mill-Istazzjon Ewlieni ta’ Frankfurt jew minn Frankfurt-Lvant, li jinsab qrib il-Großmarkthalle.

Għal dan il-għan, il-Gestapo kriet il-kantina tal-Großmarkthalle għal ftit jiem mill-Belt ta’ Frankfurt, għal żmien twil biżżejjed biex tagħmel deportazzjoni, filwaqt li l-bejgħ tal-frott u l-ħaxix kompla ftit ’il fuq. Il-Großmarkthalle kien fil-fatt post pubbliku ħafna. Il deportazzjoni tal-Lhud – bħat-tneħħija tal-vot tagħhom u l-oppressjoni fis-snin ta’ qabel – ma seħħx b’mod sigriet. Il-vittmi ta’ spiss kienu mżebilħin minn dawk li kienu għaddejjin fi triqithom ’il barra miċ-ċentru tal-belt. Imbagħad, fil-kantina ta’ Großmarkthalle, il-vittmi tteħdulhom l-oġġetti ta’ valur u ċ-ċwievet tad-djar tagħhom, f’waħda biss minn sensiela ta’ passi ta’ żebliħ f’dan il-proċess umiljanti. Biex tiżdied il-ħruxija f’dan il-kalvarju tagħhom, huma saħansitra kellhom iħallsu n-noll tal-ferrovija għall-vjaġġ tagħhom lejn il-ghettos, il-kampijiet ta’ konċentrament u kampijiet ta’ sterminazzjoni. Imbagħad jew iddaħħlu bħal xi merħla direttament fuq il-ferroviji jew kellhom jqattgħu l-lejl fil-kantina, f’kundizzjonijiet terribbli. Il-monument fi u madwar il-bini tal-BĊE jirrintraċċa din it-triq orribbli ta’ tbatija.

Illum, hekk kif nikxfu plakka ta’ tifkira addizzjonali, kelli l-privileġġ li niltaqa’ ma’ Edith Erbrich. Meta Edith kellha sebgħa snin, in-Nazisti ordnaw li, flimkien ma’ missierha u oħtha, jiġu ddeportati. Dan kien fl-14 ta’ Frar 1945, inqas minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-gwerra, li huwa dak li salvalha ħajjitha. Ommha, li ma kinitx Lhudija, ma tħallietx takkumpanja lill-familja tagħha. Edith tilfet lin-nannu tagħha fil-kamp, iżda missierha u oħtha reġgħu lura magħha għand ommha. Huma kienu l-eċċezzjoni: minn aktar minn 10,000 deportat, ftit biss salvaw. Madankollu, hi kemm hi ta’ dwejjaq din il-parti tal-istorja ta’ Edith, huwa inkoraġġanti li dak li jkun ikun jaf kif kompliet il-ħajja tagħha. Edith baqgħet mal-familja tagħha fi Frankfurt, ħadmet hawn, iżżewwġet u għexet ħajja sħiħa. Ftit tas-snin ilu, bdiet tirrakkonta l-istorja tagħha fl-iskejjel u f’avvenimenti pubbliċi. Hija għamlet dan ħafna drabi għalina wkoll, u jiena kburija u grata meta ngħid li Edith Erbrich saret ħabiba tal-BĊE.

Għaliex it-tifkira hi tant importanti għalina? Hemm bżonn ta’ dan għar-rispett tal-vittmi imma anki għalina nnifisna. It-tirannija u l-inġustizzja tal-istat m’għandhomx jipprevalu. U madankollu għadhom qiegħdin iseħħu sal-lum. Anki llum, xi gvernijiet ifittxu li jimponu r-rieda tagħhom bil-forza, u ma jibżgħux mill-qtil tal-massa u mill-ġenoċidju.

Il-fatt li l-bini ewlieni tal-BĊE jokkupa sit li ra tbatija u atroċità tant kbar iżid l-intensità u r-rilevanza għall-missjoni tal-BĊE. Tabilħaqq, l-Unjoni Ewropea twaqqfet b’reazzjoni għat-Tieni Gwerra Dinjija u l-Olokawst. Hija, fil-qalba tagħha, proġett ta’ paċi li għandu l-għan li jiżgura li qatt ma nerġgħu noħolqu tali orruri fuq xulxin. Dan l-impenn isib l-espressjoni konkreta tiegħu fl-isforzi tagħna biex nibnu unjoni dejjem aktar mill-qrib fl-Ewropa li tiggarantixxi l-istabbiltà politika u ekonomika tagħna. Ix-xogħol tal-BĊE li jiġġestixxi l-munita komuni tagħna – l-euro – huwa parti ewlenija minn dan.

L-Unjoni Ewropea hija komunità paċifika bbażata fuq valuri komuni: id-dinjità ta’ kull persuna, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. U dan huwa dak li aħna, fl-aħħar mill-aħħar, naħdmu biex nappoġġaw. Huwa l-kontribut tagħna għal “qatt iżjed”.

Abbona fil-blog tal-BĊE