Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
Christine Lagarde
The President of the European Central Bank
Boris Vujčić
Vice-President of the European Central Bank
  • STQARRIJA TAL-POLITIKA MONETARJA

KONFERENZA STAMPA

Christine Lagarde, President tal-BĊE,
Boris Vujčić, Viċi-President tal-BĊE

Frankfurt am Main, 23 ta’ Lulju 2026

Il-waranofsinhar it-tajjeb, il-Viċi-President u jien nilqgħukom għal din il-konferenza stampa.

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE mhux mibdula. Il-prospettiva għall-prezzijiet tal-enerġija, filwaqt li hija volatili ħafna, bħalissa tinsab qrib il-linja bażi tal-projezzjonijiet ta’ Ġunju tal-persunal tal-Eurosistema u ferm ogħla mil-livelli rreġistrati qabel il-kunflitt fil-Lvant Nofsani. L-inċertezza tibqa’ għolja u l-impatt inflazzjonarju sħiħ tax-xokk tal-enerġija għad irid jiżvolġi. Għaldaqstant qegħdin nimmonitorjaw mill-qrib l-intensità u d-durata tax-xokk, kif ukoll l-effetti indiretti tiegħu u tat-tieni fażi. Ninsabu impenjati li niffissaw il-politika monetarja biex niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija fit-terminu medju.

Bid-deċiżjoni tal-lum, se nibqgħu f’pożizzjoni tajba li ninnavigaw l-inċertezza kkawżata mill-kunflitt. Se nsegwu approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nimpenjaw ruħna minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.

Id-deċiżjonijiet meħuda llum huma spjegati fi stqarrija għall-istampa disponibbli fis-sit web tagħna.

Issa se niddeskrivi f’aktar dettall kif naraw li se jiżviluppaw l-ekonomija u l-inflazzjoni, u mbagħad se nispjega l-valutazzjoni tagħna tal-kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji.

Attività ekonomika

L-informazzjoni reċenti tindika xi titjib fl-attività ekonomika fit-tieni trimestru, minkejja li l-kunflitt fil-Lvant Nofsani baqa’ ostaklu. L-istħarriġiet jissuġġerixxu li l-attività fis-settur tas-servizzi rkuprat parzjalment, wara li ddgħajfet b’mod notevoli bħala konsegwenza immedjata tax-xokk tal-enerġija. Is-servizzi diġitali kienu robusti, parzjalment minħabba l-kontribut li qiegħed jiżdied mill-attività relatata mal-IA. Il-manifattura kompliet iżżomm sod, appoġġata mid-ditti li qegħdin jibnu ħażniet biex jilqgħu kontra r-riskji fil-katina tal-provvista, kif ukoll mill-infiq ogħla fuq id-difiża. Il-qgħad kien ta’ 6.2% f'Mejju, qrib ir-rati storikament baxxi. Fl-istess ħin, l-avviżi ta’ postijiet tax-xogħol battala komplew jonqsu u kemm id-ditti kif ukoll l-unitajiet domestiċi jistennew li s-suq tax-xogħol se jibqa’ aktar dgħajjef minn qabel il-kunflitt.

L-indikaturi li jħarsu ’l quddiem jissuġġerixxu li t-tkabbir ekonomiku se jibqa’ modest fil-perjodu fil-qrib, imrażżan mix-xokk tal-enerġija u l-inċertezzi relatati. Iżda l-fatturi fundamentali tat-tkabbir fuq terminu medju jibqgħu mhux mittiefsa. Il-konsum privat, l-investiment f’teknoloġiji diġitali ġodda, l-infiq tal-gvern fuq id-difiża u l-infrastruttura, u xi rkupru fl-esportazzjonijiet għandhom jikkontribwixxu għall-momentum ġenerali tat-tkabbir.

Il-Kunsill Governattiv itenni l-appell tiegħu għal azzjoni urġenti biex tissaħħaħ l-ekonomija taż-żona tal-euro filwaqt li jinżammu finanzi pubbliċi sodi. Is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli fis-Suq Uniku tal-UE, l-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija u t-tlestija tal-unjoni tat-tfaddil u l-investimenti huma elementi fundamentali. Ir-risposti fiskali għax-xokk tal-enerġija għandhom ikunu temporanji, immirati u mfasslin apposta. Il-vot pożittiv fil-Parlament Ewropew aktar kmieni dan ix-xahar kien tragward sinifikanti fil-proċess lejn il-ħolqien tal-euro diġitali. Nilqgħu l-objettiv kondiviż tal-Parlament, tal-Kunsill tal-UE u tal-Kummissjoni li jintlaħaq ftehim sa tmiem din is-sena dwar il-Pakkett tal-Munita Unika. L-euro diġitali se jikkumplimenta l-flus kontanti fiżiċi bl-ekwivalenti diġitali tagħhom, u jipprovdi mezz ta’ ħlas għal kwalunkwe tranżazzjoni diġitali fiż-żona tal-euro kollha.

Inflazzjoni

L-inflazzjoni annwali naqset għal 2.8 fil-mija f’Ġunju, minn 3.2 fil-mija f’Mejju. L-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija naqset għal 8.5 fil-mija, wara 10.8 fil-mija f'Mejju, filwaqt li l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel naqset minn 1.9 fil-mija għal 1.5 fil-mija. L-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija u tal-ikel battiet għal 2.4 fil-mija, minn 2.6 fil-mija f’Mejju, hekk kif l-inflazzjoni tal-prodotti naqset minn 0.9 fil-mija għal 0.7 fil-mija u l-inflazzjoni tas-servizzi żdiedet minn 3.5 fil-mija għal 3.2 fil-mija.

Ix-xokk tal-enerġija jibqa’ jiġi trażmess fi prezzijiet ogħla. Qed isir aktar għali għad-ditti biex jakkwistaw l-inputs u għaldaqstant jistennew li jgħollu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom. Filwaqt li l-iżviluppi fl-inflazzjoni prinċipali baqgħu mrażżna, l-effetti sħaħ tax-xokk tal-enerġija għad iridu jiżvolġu. L-indikatur tal-pagi u l-istħarriġiet tal-BĊE dwar l-aspettattivi tal-pagi jkomplu jindikaw tkabbir moderat fil-pagi fit-trimestri li ġejjin. Il-produttività tax-xogħol li qed tiżdied għenet ukoll biex trażżan iż-żieda fil-kostijiet għal kull unità ta' xogħol. L-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq orizzonti iqsar jibqgħu għoljin. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-aspettattivi tal-inflazzjoni fuq żmien itwal huma ta’ madwar 2 fil-mija, u dan jappoġġa l-istabilizzazzjoni tal-inflazzjoni madwar il-mira fuq perjodu ta’ żmien medju.

Filwaqt li l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-enerġija naqset f’Ġunju, iż-żieda tagħha sa mill-bidu tal-kunflitt – u l-impatt tagħha fuq l-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel, tal-prodotti u tas-servizzi – aktarx li se żżomm l-inflazzjoni ferm ’il fuq mill-mira fl-ewwel nofs tal-2027. L-inflazzjoni mbagħad għandha tonqos, hekk kif il-prezzijiet tal-enerġija huma mistennija li jonqsu u l-prezzijiet l-oħrajn għandhom jogħlew aktar bil-mod. Madankollu, il-kunflitt jibqa’ sors maġġuri ta’ inċertezza. Għaldaqstant, qegħdin nimmonitorjaw aktar mill-qrib id-daqs u l-persistenza taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, u kif din tiġi trażmessa għall-iffissar tal-prezzijiet u tal-pagi, l-aspettattivi tal-inflazzjoni u d-dinamiċi ekonomiċi b’mod ġenerali.

Valutazzjoni tar-riskji

Ir-riskji għall-prospettiva tat-tkabbir huma li jkun hemm tnaqqis. Filwaqt li l-Memorandum ta' Ftehim maqbul bejn l-Istati Uniti u l-Iran f’Ġunju kkostitwixxa l-ewwel tentattiv biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt, f’dawn l-aħħar ġimgħat rajna intoppi ġodda u s-sitwazzjoni ġeopolitika tibqa’ waħda fraġli. It-tfixkil prolongat fil-provvisti tal-enerġija jista’ jkompli jżid il-prezzijiet tal-enerġija u għal żmien itwal milli mistenni attwalment. Dan ikun ta’ piż fuq id-dħul reali, l-infiq u l-investiment. Id-deterjorament fis-sentiment tas-swieq finanzjarji globali jew il-provvista aktar stretta tal-kreditu tista’ tkompli tnaqqas id-domanda. Il-frizzjonijiet addizzjonali fil-kummerċ internazzjonali jistgħu jfixklu ulterjorment il-ktajjen tal-provvista, inaqqsu l-esportazzjonijiet u jdgħajfu l-konsum u l-investiment. Tensjonjiet ġeopolitiċi oħrajn, b’mod partikolari l-gwerra mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, jibqgħu sors ta’ inċertezza maġġuri. B’kuntrast ma’ dan, it-tkabbir jista’ jirriżulta akbar jekk l-ekonomija u s-swieq tal-enerġija jadattaw aktar malajr milli mistenni għat-tfixkil ikkawżat mill-kunflitt fil-Lvant Nofsani jew jekk il-kunflitt jissolva b’mod sostenibbli. Barra minn hekk, l-infiq ippjanat fuq id-difiża u l-infrastruttura, u r-riformi għat-titjib tal-produttività u t-tlestija tas-Suq Uniku, kif ukoll l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda mid-ditti taż-żona tal-euro jistgħu jkomplu jixprunaw it-tkabbir b’aktar milli huwa mistenni.

Ir-riskji għall-prospettiva tal-inflazzjoni huma ta’ żieda. Ix-xokk tal-enerġija jista’ jintensifika aktar u l-effetti tiegħu fuq prezzijiet oħrajn u fuq il-pagi jistgħu jkunu aktar qawwijin milli huwa mistenni bħalissa. Aktar mal-prezzijiet tal- enerġija jibqgħu għoljin, aktar huwa probabbli li jżidu l-inflazzjoni permezz ta’ effetti indiretti u tat-tieni fażi. It-tensjonijiet fil-kummerċ li jinsabu għaddejjin jistgħu jikkawżaw ktajjen tal-provvista globali aktar frammentati, jirrestrinġu l-provvista ta’ materja prima kritika u jaggravaw il-limitazzjonijiet tal-kapaċità fl-ekonomija taż-żona tal-euro. L-avvenimenti ta’ temp estrem – kif muri mill-mewġiet tas-sħana li jinsabu għaddejjin – u l-kriżijiet klimatiċi u tan-natura li qegħdin jiżvolġu b’mod aktar estiż, jistgħu jgħollu l-prezzijiet tal-ikel aktar milli huwa mistenni. B’kuntrast ma’ dan, l-inflazzjoni tista’ tkun aktar baxxa jekk il-kunflitt fil-Lvant Nofsani jissolva b’mod sostenibbli jew jekk l-effetti indiretti jew tat-tieni fażi jkunu inqas qawwijin milli huwa antiċipat. Is-swieq finanzjarji aktar volatili u avversi għar-riskji jistgħu jrażżnu d-domanda u b’hekk inaqqsu wkoll l-inflazzjoni.

Kundizzjonijiet finanzjarji u monetarji

Il-kundizzjonijiet finanzjarji ġenerali saru kemmxejn inqas issikkati mill-aħħar laqgħa tagħna, u dan huwa konsistenti maż-żieda fir-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. Ir-rati tas-self bankarju għad-ditti u l-kost tal-ħruġ ta’ dejn ibbażat fuq is-suq baqgħu l-istess f’Mejju, b'rati ta’ 3.6 fil-mija u 4.0 fil-mija rispettivament. Ir-rata tat-tkabbir annwali tas-self bankarju lid-ditti żdiedet għal 4.0 fil-mija, minn 3.4 fil-mija f’April, iżda din kienet paċuta parzjalment minn tkabbir aktar bil-mod fil-ħruġ ta’ bonds korporattivi, li naqas minn 4.5 fil-mija għal 3.4 fil-mija. L-istandards tal-kreditu għas-self lin-negozji ġew issikkati xi ftit fit-tieni trimestru, kif ġie rrapportat fl-aħħar stħarriġ tagħna dwar is-self bankarju għaż-żona tal-euro. Id-domanda għal self lid-ditti żdiedet kemxejn, xprunata minn ħtiġijiet ogħla ta’ kapital operatorju iżda wkoll minn teħid ta’ self għal investiment fiss minn ditti kbar.

Ir-rati tas-self ipotekarju żdiedu minn 3.5 fil-mija f’Mejju, wara 3.4 fil-mija f’April, filwaqt li t-tkabbir fis-self ipotekarju żdied kemxejn għal 3.1 fil-mija. L-istandards tal-kreditu għas-self ipotekarju ġew issikkati fit-tieni trimestru hekk kif il-banek saru aktar imħassbin dwar ir-riskji ekonomiċi li qed jiffaċċjaw il-klijenti tagħhom u huma inqas lesti li jieħdu r-riskji huma stess. Id-domanda għas-self ipotekarju naqset bħala konsegwenza tat-tnaqqis fil-kunfidenza tal-konsumaturi u r-rati tal-imgħax ogħla.

Konklużjoni

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE mhux mibdula. Ninsabu impenjati li niffissaw il-politika monetarja biex niżguraw li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħna ta’ tnejn fil-mija fit-terminu medju. Se nsegwu approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex niddeterminaw il-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. Id-deċiżjonijiet tagħna dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospettiva tal-inflazzjoni u r-riskji ta’ madwarha, fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, kif ukoll id-dinamiċi tal-inflazzjoni prinċipali, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. M’aħniex qegħdin nimpenjaw ruħna minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.

Fi kwalunkwe każ, aħna lesti li naġġustaw l-istrumenti kollha tagħna fi ħdan il-mandat tagħna biex niżguraw li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tagħna għal żmien medju u li nippreżervaw il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Issa lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja